L-eks Spettur tal-Pulizija u l-Kap tal-FIAU Jonathan Ferris ingħata danni ta’ €20,000 fuq trattament diskriminatorju li sofra mill-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. Ferris kien fetaħ proċeduri fl-2019 fejn sostna li n-nuqqas tal-Kummissarju li jerġa’ jdaħħlu fil-korp tal-Pulizija wara li tkeċċa mill-Financial Intelligence Analysis Unit kien kiser id-drittijiet fundamentali tiegħu.
Ferris sostna wkoll li d-drittijiet tiegħu nkissru aktar bid-deċiżjoni oriġinali li biha ma ngħatax ‘secondment’ mill-korp tal-pulizija għal mal-FIAU. Madwar 26 uffiċjal tal-pulizija ieħor kienu ġew issekondati f’entitajiet governattivi oħra kif ukoll fis-settur privat mill-2013.
Fin-nuqqas ta’ tali ‘secondment’ fil-każ tiegħu, Ferris kellu jħalli l-korp tal-pulizija meta ngħaqad mal-FIAU fl-2016. Ferris sostna li tali trattament diskriminatorju fir-rigward tiegħu kien ifisser li tilef id-dritt għal pensjoni tas-servizz. Is-sentenza ngħatat mill-Prim’Awla, Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha fejn l-Imħallef Toni Abela ta lil Ferris €20,000 bħala kumpens.
Jonathan Ferris kien impjegat mill-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU), u fix-xhieda tiegħu li kien ta fil-Qorti qal li l-Ministeru tal-Intern kien talbu dettalji sensittivi fuq każ partikolari li hu kien qed jinvestiga, xi ħaġa li fix-xogħol tiegħu ma seta’ jagħmel qatt. Huwa qal li dan seħħ fi żmien meta l-Ministru tal-Intern kien Carmelo Abela, u meta Ferris kien għadu Spettur fil-Korp.
F’kawża Kostituzzjonali li huwa fetaħ kien akkuża lill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, li mhux biss kisirlu d-drittijiet umani tiegħu iżda għamillu wkoll dannu finanzjarju billi tellfu mill-pensjoni tas-servizz. Ferris qal li ħafna uffiċjali tal-pulizija kienu ġew sekondati ma’ entitajiet oħra iżda hu ma ngħatax dan il-permess.
Huwa sofra inġustizzja kbira peress li għadd kbir ta’ uffiċjali kienu reġgħu ddaħħlu fil-Korp tal-Pulizija iżda lilu ma ħallewhx jerġa’ jidħol fil-Korp. Jonathan Ferris qal ukoll li kienet persuna mis-Segretarjat fil-Ministeru li kienet qed titolbu dettalji dwar il-każ, meta hu ma jistax jgħaddi nformazzjoni sensittiva. Huwa qal li pressjoni bħal din kienet qed iddejjqu.
Tenna li minħabba l-esperjenza li kellu fil-Korp tal-Pulizija, huwa kien mħeġġeġ japplika, kif fil-fatt għamel biex jidħol mal-FIAU. Qal li ma kinitx deċiżjoni faċli għalih għaliex huwa dejjem ħabb il-Korp tal-Pulizija. Fix-xhieda tiegħu Ferris kien tenna li kien ilu jaħdem fil-Korp tal-Pulizija bħala Spettur mis-27 ta’ Settembru 2011.
F’Mejju 2016, huwa kien ġie mħajjar japplika biex jiġi impjegat bħala Manager Financial Analysis mal-FIAU. Huwa tħajjar jagħmel dan u fil-fatt applika sabiex jingħaqad mal-FIAU. Huwa kien għamel talba biex ikun sekondat mal-FIAU. Din, qed jgħid, kienet tfisser biss trasferiment mill-Ministeru għall-Intern għall-organizzazjoni taħt il-Ministeru tal-Finanzi.
Mir-rikors kostituzzjonali, li huwa għamel ingħad li mill-2013 kien hemm 26 uffiċjal tal-Pulizija li kienu ngħataw permess simili. Fix-xhieda tiegħu kompla jgħid li bejn Awwissu u Ottubru tal-2016 Ferris kellu diversi laqgħat mal-Kummissarju Cutajar, fejn xi drabi, kien ikun ukoll preżenti l-Assistent Kummissarju Dr Mario Spiteri.
Tul dawn il-laqgħat dejjem sab reżistenza mill-Kummissarju li baqa’ sakemm qatt ma aċċetta s-secondment ta’ Ferris u qatt ma ngħata raġuni għal dan ir-rifjut. L-FIAU kienet temmet l-impjieg ta’ Ferris waqt li kien għadu taħt probation. Huwa qed ifittex lill-FIAU fil-Qorti għax jemmen li t-tmiem tal-impjieg tiegħu kien inġust.
Ferris qal ukoll li fis-17 ta’ Mejju 2017 kien mar ikellem lill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, fejn kien hemm preżenti wkoll l-Assistent Kummissarju Dr Mario Spiteri, u kien formalment talab sabiex jerġa’ jingħaqad mal-Korp. Huwa kien infurmat li ma kellhiex tkun problema għaliex kien dejjem qeda dmiru sew. Huwa għamel it-talba uffiċjali biex jidħol lura fil-Korp iżda din it-talba baqgħet mingħajr ebda risposta. L-avukati Andrew Borg Cardona, Therese Comodini Cachia, Jason Azzopardi u Evelyn Borg Costanzi assistew lil Ferris.
//= $special ?>