L-eks Viċi-President tal-Parlament Ewropew, Eva Kaili, għandha tidher quddiem imħallef fit-22 ta’ Diċembru. Dan bħala l-fażi inizjali qabel il-proċess tal-qorti relatat mal-iskandlu dwar it-tixħim u l-korruzzjoni li fl-aħħar jiem heżżeż lill-Assemblea inkwistjoni.
Kaili hi suspettata li aċċettat somom kbar ta’ flus biex tieħu ħsieb il-lobbying favur il-Qatar ( fil-Parlament) u fl-aħħar sigħat hi ma dehritx bħalma mistenni għal smigħ magħruf bħala pre-trial u li kellu jsir fi Brussell, il-kapitali tal-Belġju.
L-MEP Griega hi waħda minn erba’ persuni li qed ikunu akkużati b’sehem f’organizzazzjoni kriminali u ‘qarnita ta’ korruzzjoni’ li tinvolvi anki l-ħasil ta’ flus.
U waqt li l-erba’ iridu jidhru quddiem imħallef biex iwieġbu għall-akkużi, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Federali kkonferma li Kaili talbet posponiment tal-proċess u li jfisser li l-fażi tas-smigħ partikulari għandha tinstama’ tlett ijiem qabel il-Milied.
Sadanittant, ħarġet konferma li Francesco Giorgi, is-sieħeb ta’ Kaili, flimkien mal-eks MEP Taljan, Pier Antonio Panzeri, se jinżammu taħt arrest sad-data tal-ġuri. Mill-banda l-oħra, Niccolo Figa-Talamanca, is-segretarju-ġenerali tal-entità ‘No Peace Without Justice’ ukoll qed jinżamm taħt arrest iżda b’differenza – peress li l-movimenti tiegħu qed ikunu segwiti mill-awtoritajiet permezz ta’ electronic bracelet.
L-erba’ suspettati spiċċaw arrestati bħala parti minn ‘investigazzjoni bir-reqqa’ tal-Pulizija Belġjana fir-rigward ta’ ‘bejgħ u xiri ta’ influwenza’ b’impatt dirett għad-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Parlament Ewropew. Mifhum li s-suspettati kienu influwenti f’ċerti deċiżjonijiet li marru favur il-Qatar u li huma tħallsu ammonti ta’ flus sinifikanti minbarra li rċevew ukoll ‘xi rigali sostanzjali’.
Eva Kaili tneħħitilha l-kariga ta’ Viċi-President tal-Parlament Ewropew aktar kmieni fil-ġimgħa wara vot mill-kollegi tagħha fl-Assemblea. Dan meta fl-aħħar sigħat komplew l-arresti ta’ persuni konnessi mal-iskandlu, li hu l-akbar wieħed għal snin relatat mal-Parlament Ewropew.
L-assi ta’ Kaili spiċċaw iffriżati mill-awtoritajiet Griegi waqt li l-avukat tal-MEP qed jiċħad li hi kellha x’taqsam ‘mat-tixħim mill-Qatar’.
Minn dakinar tal-arrest ta’ Eva Kaili, il-Pulizija Belġjana wettqet diversi tfittxijiet f’numru ta’ lokalitajiet u minfejn elevat ‘il fuq minn 1.5 miljun dollaru fi flus kontanti.
Fl-istess ħin, saru t-tfittxijiet fl-Italja, fejn qed jgħixu il-mara ta’ Panzeri, Maria Dolores Colleni u bintu, Silvia Panzeri. Dan waqt li l-aġenzija tal-aħbarijiet Taljana ANSA qalet li l-Belġju qed ifittex l-estradizzjoni ta’dawn iż-żewġ nisa.
Filwaqt li qed ikompli t-theżżiż mill-iskandlu, żdied l-iskrutinju fuq il-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew li jinkludi lil Kaili bħala MEP Soċjalista. It-tmexxija tal-grupp anki ħarġet direttivi biex numru ta’ membri, għalissa, ‘iwarrbu mill-kariga’ waqt li għaddejja l-investigazzjoni.
Minkejja li Kaili tkeċċiet mill-grupp inkwistjoni u bħala Viċi-President, hi, għalissa, se tkompli sservi bħala membru tal-Parlament Ewropew.
Dan waqt li l-Gvern tal-Qatar għadu qed jiddisassoċja ruħu ‘b’mod ferventi’ minn Eva Kaili u l-maltemp politiku li bħalissa qed iriegħed lill-Assemblea Ewropea.
//= $special ?>

