Internazzjonali

L-Istati Uniti: Twissija tas-sigurtà għal miljuni ta’ nies fost il-borra u t-tornadoes

Mietu numru ta’ nies b’kaġun ta’ maltempata li hi straordinarja anki għal dawn iż-żmenijiet tax-xitwa u li fl-aħħar sigħat kienet qed tavvanza lejn ir-reġjuni tal-lvant tal-Istati Uniti.

Dan fost l-inżul ‘interminabbli’ tal-borra, bil-maltemp anki jiġġenera sensiela ta’ tornadoes fl-Istati lejn in-naħa t’isfel tal-pajjiż.

L-awtoritajiet ikkonfermaw li l-vittmi jinkludu omm u binha, residenti fl-Istat ta’ Louisiana u li d-dar tagħhom spiċċat kompletament meqruda wara li ntlaqtet direttament minn tornado.

Dan meta ċ-ċifra tal-vittmi mistennija tiżdied fis-sigħat u l-jiem li ġejjin, fost sinjali li l-maltempata kienet qed iżżid fis-saħħa.

Il-maltempata anki kaġunat ix-xita bil-borra u s-silġ fir-reġjuni tal-Midwest, bit-toroq u l-iskejjel ikollhom jagħlqu bħala konsegwenza. Spikkaw ukoll it-twissijiet biex il-familji jibqgħu d-dar ħlief għal sitwazzjonijiet urġenti.

Fil-fatt, l-aħħar rapporti mill-osservaturi tat-temp f’numru ta’ bnadi indikaw inżul ta’ 1.2 metri ta’ borra fi kwistjoni ta’ sigħat.

B’kaġun tal-maltemp, xi 3,500 titjira kellhom ikunu posposti fost il-kaos għall-iskedi tal-ajruporti, b’għexieren ta’ titjiriet oħra jitħassru minħabba ‘il-kundizzjonijiet impossibbli’.

Fl-istess ħin, xi nofs-miljun ruħ f’erba’ Stati – f’dan il-każ Nebraska, Wyoming, South Dakota and Minnesota – kienu mwissija biex josservaw il-miżuri kollha għas-sigurtà personali fost il-blizzard warnings effettivi.

Fl-aħħar sigħat ukoll, żdiedu l-irwiefen, fost l-intensità tal-borra, u bil-kundizzjonijiet għall-ivvjaġġar mill-art isiru dejjem aktar diffiċli.

Intant, l-allert dwar it-temp – almenu fl-aħħar sigħat — kien anqas sever għal miljuni oħra ta’ ċittadini madwar l-Istati Uniti.

Madankollu, l-uffiċini meteoroloġiċi baqgħu jwissu dwar ‘aktar żbruffar ta’ maltempati’  fiz-zoni maġenb il-Gulf coast, fosthom fl-Istati ta’ Louisiana, Mississippi u Alabama u anki f’ċerti bnadi ta’ Florida.

L-istess awtoritajiet, fl-aħħar sigħat, ħarġu wkoll it-twissijiet dwar possibbiltà kbira ta’ tornadoes ġodda fl-ibnadi ta’ Louisiana u Mississippi.