L-attakant tal-Arġentina Lionel Messi kkonferma li ma għandu pjanijiet li jilgħab f’Tazza tad-Dinja oħra wara l-finali tal-Ħadd li ġej. It-Tlieta filgħaxija, Messi reġa’ kien wieħed mill-aktar plejers li spikka hekk kif l-Albiceleste kisbu rebħu ta’ 3-0 kontra l-finalisti tal-aħħar edizzjoni l-Kroazja.
Wara li skorja l-ewwel gowl minn penalty, Messi serva darbtejn lil Julian Alvarez għal rebħa komda. L-azzjoni li wasslet għat-tielet gowl reġgħet fakkret lid-dilettanti l-kwalità ta’ Messi, b’azzjoni tipika tiegħu fuq il-lemin.
Messi jkollu 39 sena meta l-edizzjoni li jmiss tintlagħab fl-Istati Uniti, il-Kanada u l-Messiku fl-2026. Meta dan il-fatt jittieħed inkonsiderazzjoni, l-attakkant ammetta li l-Ħadd li ġej se tkun l-aħħar logħba tiegħu waqt fażi finali tat-Tazza tad-Dinja.
“Kunent ħafna li se nispiċċa l-vjaġġ tiegħu fit-Tazzi tad-Dinja waqt logħba finali. Din hi veru xi ħaġa ta’ gratitudni. Dak kollu li għext f’din it-Tazza tad-Dinja kien emozzjonanti, speċjalment meta wieħed iqis kemm tat gost fl-Arġentina. Hemm ħafna żmien minn din is-sena għall-edizzjoni li jmiss. Ma naħsibx li nkun kapaċi nagħmel dan. Li nispiċċa b’dan il-mod hu brillanti,” qal Messi.
L-istilla Arġentina kabbar it-total tiegħu għal 96 gowl minn 171 logħba mal-Arġentina u b’hekk jinsab 40 gowl aktar minn Gabriel Batistuta li jinsab fit-tieni post. F’din l-edizzjoni, Messi kiser diversi rekords u fosthom sar l-aqwa skorer ta’ kull żmien mal-Arġentina fit-Tazza tad-Dinja bi 11-il gowl.
Messi hu wkoll l-ewwel Arġentin li skorja f’erba’ Tazzi tad-Dinja u hu wieħed minn sitt plejers biss li lagħab f’ħames edizzjonijiet tal-kompetizzjoni. F’din l-edizzjoni, Messi skorja ħames gowls u serva tliet assists u jekk l-Arġentina tirbaħ it-Tazza tad-Dinja hu kważi ċert li jirbaħ l-unur tal-Aqwa Plejer.
//= $special ?>