Il-Malta Football Association ħabbret li Michele Marcolini huwa l-kowċ il-ġdid tat-tim nazzjonali b’kuntratt sal-aħħar tal-2024. Huwa se jkun qed jieħu t-tmexxija tal-iskwadra ewlenija mill-1 ta’ Jannar 2023.
Michele Marcolini, li għandu 47 sena, huwa eks plejer li lagħab ma’ numru ta’ klabbs fl-Italja, fosthom Bari, Torino, Atalanta u Chievo Verona, u fil-kategoriji ġovanili tat-tim nazzjonali Taljan.
Marcolini mexxa diversi timijiet tas-Serie B u C u rebaħ il-Coppa Italia Serie C ma’ Alessandria fl-istaġun 2017/18. L-aħħar esperjenza ta’ Marcolini kienet ma’ Albinoleffe fl-istaġun li għadda.
F’kumment dwar il-ħatra ta’ Marcolini bħala kowċ nazzjonali, il-President tal-Malta FA Bjorn Vassallo qal li l-assoċjazzjoni tinsab kuntenta li Marcolini aċċetta l-offerta tal-MFA hekk kif huwa għandu l-attribwiti meħtieġa.
Michele Marcolini se jingħaqad minn Davide Mandelli bħala Assistent Coach. Mandelli huwa wkoll eks plejer li beda l-karriera tal-futbol tiegħu ma’ Monza, u mbagħad kompla jilgħab mal-klabbs tas-Serie A u tas-Serie B Torino, Siena u Chievo Verona. Wara li rtira, huwa mexa fuq il-passi ta’ Marcolini fejn ħadem f’numru ta’ klabbs.
Il-kowċis Marcolini u Mandelli se jiġu ppreżentati lill-midja lokali fil-jiem li ġejjin.
//= $special ?>