Ewropa Internazzjonali

AĠĠORNATA: “Mhu se nitfgħu xejn taħt it-tapit” – Roberta Metsola

“Mhux se nċedu. Is-sitwazzjoni mhix business as usual. U mhu se nitfgħu xejn taħt it-tapit”.

Hekk qalet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola fil-bidu tas-summit Ewropew li qed jitlaqqa’ bħalissa fi Brussell; summit li qed isir f’ġimgħa iebsa ferm għall-Parlament Ewropew wara l-akkużi serji ta’ indħil u tixħim minn pajjiżi terzi bħall-Qatar u l-Marokk. Dawn l-akkużi wasslu għal diversi arresti, filwaqt li l-MEP Soċjalista Eva Kaili tneħħiet minn Viċi President tal-Parlament.

Metsola ħabbret li sas-sena l-ġdida se jiddaħħlu mezzi ġodda li jsaħħu l-operat tal-Parlament Ewropew.

“Se mmexxi din ir-riforma b’mod personali”, qalet Metsola, filwaqt illi insistiet li l-Parlament se jwassal messaġġ b’saħħtu f’dan il-mument ta’ kriżi għal din l-istituzzjoni.

Il-President tal-Parlament Ewropew qalet li l-mexxejja Ewropej apprezzaw il-mod kif din l-istituzzjoni irrispondiet għall-akkużi serji li saru fil-konfront tal-MEP Soċjalista Eva Kaili.

Intant, meta kienet qed twieġeb id-domandi tal-ġurnalisti, Metsola kkonfermat li kellha żewġ stediniet mill-Qatar fl-aħħar xhur, li t-tnejn irrifjutat.