Lokali Qorti

Permezz ta’ telefonata Roderick Cassar informa lil missier il-mara tiegħu li kien qatillu t-tifla

Missier Bernice Cassar li allegatament inqatlet minn żewġha qal lill-Pulizija li fit-8.04am rċieva telefonata mingħand l-akkużat Roderick Cassar biex jgħidlu jsib istitut għat-tfal. Il-missier ċempillu fit-8.16am u Cassar qallu li kien qatillu lit-tifla. Mara oħra li taf lil Bernice li ndunat bil-karozza tal-vittma fuq il-midja soċjali, ipprovat iċċempel in-numru ta’ Bernice u qabadha Roderick Cassar li qalilha li kien qatel lil martu.

Sadaniitant Roderick Cassar mixli bil-qtil ta’ martu Bernice fit-22 ta’ Novembru li għadda kien ipparkja l-karozza tiegħu f’Kordin fejn il-vittma nqatlet b’mod li mblokka t-triq. Raġel li se jkun xhud fil-każ qal lill-Pulizija li huwa mar biex jipprova jagħti l-għajnuna u ra lil Bernice mixħuta mal-art u ħasibha li kienet weġġgħet f’inċident tat-traffiku.

L-akkużat qallu li aħjar jitlaq ‘l hemm għax jekk le kien se jispara għalih. L-istess raġel li mar biex jagħti l-għajuna sema’ lil Roderick jikkarga s-senter u sema’ xi tiri. Sadanittant żewġ ħaddiema tal-kumpanija Merit, fejn kienet taħdem Bernice Cassar qalu li waqt li kienu qed jixorbu t-te, semgħu xi għajjat mit-triq.

Wieħed mill-kollegi tagħha beda jieħu filmat tal-inċident. Fil-filmat, Bernice tinstema tgħajjat “għajjut, għajjut” u Roderick beda jagħmel movimenti lill-karozzi biex jibqgħu għaddejin bħallikieku kien għadu kif seħħ inċident tat-traffiku.

Dan ir-rakkont xokkanti ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Shawn Pawney meta kompliet il-kumpilazzjoni kontra Roderick Cassar fejn qed jiġi akkużat bl-omiċidju ta’ martu pemrezz ta’ żewġ tiri ta’ senter fil-għodwa tat-Tlieta, għall-ħabta tat-8.30am.

L-Ispettur qal li r-raġel li kien mar biex jagħti l-għajnuna beża’ għal ħajtu u koppja li kienu fiż-żona qalu fix-xhieda tagħhom lill-Pulizija li raw lil Bernice fl-istess pożizzjoni kif qal l-ewwel xhud. Meta waħda mix-xhieda marret lejha, hi rat l-akkużat jimmira żewġ tiri lejn il-vittma.

Xhud riedet issuq fid-direzzjoni tal-akkużat imma beżgħet

Xhieda oħra qalet li kienet fiż-żona u rat iż-żewġ vetturi tal-akkużat u l-vittma. Hi qalet li mill-ewwel ċemplet in-numru tal-112 u li dak il-ħin rat lill-akkużat jispara numru ta’ tiri. Wieħed mit-tiri ġie sparat lejn is-sider u l-ieħor lejn ir-ras. Hi bdiet taħsibha jekk issuqx lejn l-akkużat imma beżgħet tagħmel dan.

Pawney qal fix-xhieda tiegħu li ħu l-vittma rċieva messaġġi mingħand l-akkużat meta hu kien imsakkar fir-residenza fil-Qrendi u spjega li psikjatra eżamina l-akkużat u sabu f’qagħda stabbli biex jitressaq il-Qorti. Pawney sostna li l-akkużat għażel li ma jwieġeb għall-ebda domandi dwar il-każ.

Waqt li kien qed jiġi mitkellem, Cassar kien ġie muri l-filmati tax-xhieda u qal li “jiddispjaċieh għal dak li ġralha” u ma wera l-ebda emozzjoni. Wera emozzjoni meta semma t-tfal tiegħu u beda jibki

Pawney qal li l-inċident f’Kordin dam madwar sebgħa minuti. Mill-filmati tal-cameras tas-sigurtà l-akkużat deher jidħol fil-vettura u jitlaq minn fuq il-post. Rigward is-senter, ix-xhud qa li dan kien qed jinżamm f’basket tal-akkużat u jidher biċ-ċar fil-filmat tal-bodycams tal-Pulizija meta arrestawh.

L-Ispettur esebixxa posts li għamel Roderick Cassar fuq Facebook u dokument tat-telefonati li għamel Cassar, kif ukollċ-ċertifikati tat-twelid tat-tfal tal-vittma. Il-Maġistrat staqsa kif l-Ispettur Wayne Camilleri qal li l-akkużat kellu l-arma fil-karozza u ħadha f’idejh f’nofs l-inċident filwaqt li Pawney qed jgħid li l-arma dejjem kienet f’idejn l-akkużat.

Il-Maġistrat Mifsud saħaq li m’hemmx punt li jittellgħu l-istess xhieda biex dawn jiddeskrivu l-istess inċident u joħolqu aktar konfużjoni. “Forsi xi darba jifimha l-Avukat Ġenerali. Forsi meta titlef xi każ ieħor,” tenna il-Maġistrat b’ton ta’ frustrazzjoni.

L-avukat tal-familja tal-vittma Stefano Filletti staqa jekk il-Pulizija investigatx ir-relazzjoni bejn l-akkużat u l-vittma. Pawney xehed li l-familja tal-vittma qalet li qabel Jannar 2022, ma kinux jafu bil-problemi fiż-żwieġ tagħhom. Imma wara din id-data, saru jafu bil-battibekki bejn il-koppja u l-vittma marret tgħix post ieħor wara li Cassar heddidha. Lejlet il-qtil, għall-ħabta tal-10am, saru ħafna ‘missed calls’ minn Cassar lill-vittma. Bejn id-9.30 u l-10pm saru madwar sebgħa telefonati lejn il-mowbajl tal-vittma li ma nqabdux u żewġ telefonati lill-missier il-vittma.

Ta daqqiet ta’ ponn fuq il-vettura

L-Ispettur tenna wkoll li f’rapport wieħed li sar lill-Pulizija sar magħruf li l-akkużat ta xi daqqiet bil-ponn fuq il-vettura ta’ martu u kellu jinfaxxa jdejh. Rigward is-senter, l-akkużat waddab is-senter mal-art biex jiġi elevat mill-Pulizija qabel ma arrestawh.

L-Avukat Franco Debono li qed jidher għall-akkużat staqsa lill-Ispettur kemm-il darba l-akkużat mar ħdejn il-vettura tal-vittma. Pawney wieġeb li mill-filmati jidher kif seħħ l-inċident u minkejja li l-kwalità tal-filmat mhijiex mill-aktar ċar,  tkopri x-xena kollha.

Pawney qal li l-minuti tal-inċident ikopru l-argument bejn l-akkużat u l-vittmi. Sostna li t-tiri ġew sparati lejn l-aħħar tal-inċident.

L-Avukat Debono staqsa dwar l-argument bejn l-akkużat u l-vittma. Pawney qal li mhuwiex magħruf kif il-vittma spiċċat mal-art. Tenna li l-filmati tax-xhieda jindikaw li l-vittma bdiet tgħajjat għall-għajnuna.

Dr. Debono staqsa jekk Roderick Cassar ipprovax ipoġġi l-vittma lura fil-vettura u li dan jindika li ma kellux l-arma f’idejh. Pawney qal li ma jafx jekk l-akkużat ipprovax ipoġġi l-vittma lura fil-vettura. Dwar it-telefonati minn ħu l-vittma lill-akkużat, Pawney tenna li ma jafx x’intqal f’dawn it-telefonati.

Il-Prosekuzzjoni għamlet talba għall-aċċess tar-residenza fil-Qrendi biex din titbattal u l-Perit jippreżenta ċ-ċwievet fil-Qorti, Il-Maġistrat Mifsud laqa’ din it-talba u awtorizza rappreżentant tal-familja biex ineħħi l-prodotti organiċi skaduti mill-fridge u l-freezer.  

Sadanittnat l-ewwel xhud fil-kumpilazzjoni tal-Ħamis kienet l-uffiċjal tal-Pulizija Charmaine Fenech li hija stazzjonata fl-Għassa taż-Żurrieq fejn qalet li l-akkużat m’ għandux liċenzji jew armi reġistrati fuq ismu.

Roderick Cassar wkoll jinsab mixli li żamm lill-vittma tiegħu kontra r-rieda tagħha, li uża vjolenza, inkluża vjolenza morali u psikoloġika, li uża arma tan-nar waqt li kien qed jagħmel reat u li ġarr arma mingħajr permess. Akkużi oħra jinkludu s-serq tal-mowbajl u ċ-ċwievet tal-karozza tal-vittma, u l-ħsara volontarja fil-proprjetà tagħha.

Huwa qed jiġi mixli wkoll li kiser ordni ta’ probation u li insulta terza persuna – maħsuba li kien ċivili li kien ipprova jintervjeni filgħodu dak inhar tal-qtil. Fl-aħħar nett, huwa qed jiġi mixli allegatament ffastidja wkoll lil Bernice Cassar u li dejjaqha fil-jiem, ġimgħat u xhur ta’ qabel il-qtil.

L-Ispetturi Shawn Pawney, Wayne Camilleri, Paul Camilleri qed imexxu l-Prosekuzzjoni bl-assistenza tal-avukat Angele Vella, Edward Grima, Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jirrappreżentaw lil Roderick Cassar. L-avukati Stefano Filletti u Marita Pace Dimech qed jirrappreżentaw il-familja ta’ Bernice Cassar. Il-kumpilazzjoni tkompli nhar it-Tnejn, 19 ta’ Diċembru fl-10am.