Is-sitwazzjoni fis-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna qed tkompli tiggrava b’mijiet ta’ kawżi jkunu differiti minħabba nuqqas ta’ riżorsi umani u finanzjarji. L-aħħar episodju seħħ meta l-Qorti tal-Minorenni, bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali, kellha tiddeferixxi kawżi li kellhom jinstemgħu lbieraħ l-Erbgħa, 14 ta’ Diċembru 2022, minħabba li l-Qorti ma kellhiex żewġ Court Assistants li bihom tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet tagħha skont il-Liġi.
Dan qalu l-kelliem tal-PN Karol Aquilina fi stqarrija maħruġa llum.
Il-Partit Nazzjonalista jqis din is-sitwazzjoni bħala mhix aċċettabbli f’soċjetà mibnija fuq is-Saltna tad-Dritt. Din is-sitwazzjoni qed tikser id-dritt taċ-ċittadini li jkollhom aċċess għall-ġustizzja.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard ma jistax jibqax ċass quddiem is-sitwazzjoni gravi li tinsab fiha s-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jsejjaħ għal azzjoni immedjata mill-Ministru għall-Ġustizzja biex jiżgura li b’mod immedjat, il-Qrati ta’ pajjiżna jkollhom ir-riżorsi umani u finanzjarji kollha meħtieġa ħalli kull Imħallef u Maġistrat ikun jista’ jaqdi d-doveri tiegħu b’mod effettiv u fi żmien raġjonevoli.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li għandu jiżdied in-numru ta’ impjegati mal-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati, inkluż l-impjegati assenjati direttament mal-Imħallfin u l-Maġistrati, biex ikun indirizzat id-dewmien fis-smigħ tal-kawżi. L-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati għandha ttejjeb il-pagi ta’ dawk li diġà huma impjegati magħha u tibda tattira lejha aktar persuni li huma ppreparati akkademikament u għandhom għarfien dwar prattiċi legali u proċedurali.
Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li sistema ta’ ġustizzja ineffiċjenti u ineffettiva hi piż inġust fuq il-familji u n-negozji, filwaqt li ddgħajjef il-kompetittività ta’ pajjiżna. Meta l-Gvern ma jinvestix fis-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna, ikun qed jagħżel li ma jirrispettax is-Saltna tad-Dritt u jkun qed ixekkel liċ-ċittadini fit-tgawdija tad-drittijiet tagħhom.