Futbol Sport

Daqqa ta’ ħarta għal Birkirkara kontra Sirens

(Ritratt: Joseph Galea)

Matthias Mizzi

SIRENS…………………1

BIRKIRKARA….……0

Sirens: M. Grech, G. Camilleri, M. Pereira, K. Sano, R. Tachikawa (A. Borg 83’), J. Walker, A. Armah, A. Cini, V. De Vale (S. Sessegnon 88’), V. Ivan (J. Degran 69’), G. Ventura

Birkirkara: G. Nava, O. Iorio (A. Camilleri 63’), E. Pepe, A. Da Paixao (J. Farrugia 76’), Y. Yankam, P. Mbong, C. Attard, D. Cabrera, S. Zibo (C. Ribeiro 63’), A Coppola, K. Tulimieri

Imwissija: O. Iorio 20’ (BKR), S. Zibo 33’ (BKR), M. Pereira 45+2’ (SIR), K. Tulimieri 45+2’ (BKR), A. Coppola 78’ (BKR), J. Degran 78’ (SIR), G. Nava 80’ (BKR), M. Grech 86’ (SIR), A. Vaikanah 90+3’ (BKR), D. Pires 90+3’ (BKR)

Skorjaw: M. Pereira 36’ (SIR)

Referee: Emanuel Grech

Assistenti Referees: Duncan Sultana & Thomas Debono

In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: K. Sano (SIR)

BOV Plejer tal-Logħba: G. Fernandes (SIR)

F’konfront jaħraq fejn intwerew għaxar karti sofor u karta ħamra minn fuq il-bankina, kontra kull mistenni Sirens meritatament għelbu lil Birkirkara permezz ta’ gowl waħdieni fl-ewwel taqsima. B’din ir-rebħa sorpriża Birkirkara komplew jinqatgħu minn mal-leaders Ħamrun Spartans filwaqt li Sirens tbiegħdu aktar miż-żona l-ħamra.

Birkirkara kellhom bidu sodisfaċenti tant li f’temp ta’ erba’ minuti Yannick Yankam mar darbtejn viċin, darba b’xutt li ġie parzjalment salvat b’diffikultà minn Matthew Grech u darb’oħra stampa l-mimduda. Minkejja dan, Sirens fetħu l-iskor fit-36 minuta b’gowl tal-istampi minn free-kick tal-Portugiż Marcelo Pereira li ħalla lil Giacomo Nava jħares. Ċans tad-deheb għall-Karkariżi qabel il-mistrieħ b’persistenza ta’ Paul Mbong li minn fuq il-faxxa leminija qassam preċiżament lil Cabrera b’dan ra l-konklużjoni tiegħu mblokkata u mdawra f’corner mid-difiża tas-Saints.

B’Birkirkata taħt pressjoni, fil-55 minuta l-kowċ tal-Istripes Giovanni Tedesco safa mkeċċi wara li hu għadda rimarki dispreġġjattivi lejn it-terna arbitrali. It-tim ta’ San Pawl il-Baħar approfittaw min-nuqqas ta’ koċentrazzjoni biex fit-62 minuta Rei Tachikawa baqa’ dieħel b’ħeffa min-nofs u venven xutt b’saħtu li ħabat mal-wieqfa sakemm spiċċa barra. B’inqas minn 30 sekonda fil-grawnd, is-sostitut Jean Paul Farrugia mar viċin fis-76 minuta b’xutt minn corner. Bil-qiegħa kompliet tisħon, Birkirkara tilfu kemxejn il-forma tagħhom u għal ftit ma dabbrux it-tieni gowl ħames minuti mid-disgħin minuta wara li Sano ħarab b’ġirja veloċi u tefa’ barra minn taħt ħalq il-lasta.

Minkejja li għamlu l-aħħar għaxar minuti taħt pressjoni kontinwa, it-tim immexxi minn Wiston Muscat baqa’ kompatt f’kull waqt biex żamm ir-riżultat ta’ 1-0 sal-aħħar.