Wara li x-xahar li għadda l-eks risk manager tal-Bank Pilatus, Antoniella Gauci talbet li tiġi inkluża bħala parti fil-każ ta’ Repubblika kontra l-Avukat Ġenerali, minħabba n-nuqqas ta’ prosekuzzjoni tal-ogħla uffiċjali tal-bank, liema talba kienet miċħuda, hija talbet permess biex ikollha d-dritt biex tappella minn tali deċiżjoni.
Fil-każ, li qed jinstema’ mill-Imħallef Christian Falzon Scerri, Repubblika allegaw li fis-Sajf tas-sena li għaddiet, l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg kienet ħarġet dik li legalment tissejjaħ nolle prosequi (ordni biex ma ssirx prosekuzzjoni) kontra uffiċjali tal-Bank u dan erba’ xhur wara li l-prosekutur irċieva rapport ta’ 600,000 paġna relatat mal-inkjesta dwar il-bank, li rrakkomanda li jitressqu numru ta’ uffiċjali fil-bank – li issa ġie magħluq.
L-eks risk manager tal-Bank Pilatus talbet il-permess biex tappella ċ-ċaħda tat-talba tagħha għall-inklużjoni bħala parti fil-każ tar-Repubblika kontra l-Avukat Ġenerali, li fost dawn hemm Gauci. Sussegwentement l-avukat ta’ Gauci, Roberto Montalto ressaq rikors quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, fejn talab li Gauci tiġi ammessa bħala parti fil-proċeduri.
Madankollu, it-talba ġiet miċħuda, bl-imħallef jirrimarka li d-dritt li jinbdew proċeduri kriminali kien wieħed fdat lill-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali u mhux lill-persuna investigata. Persuna bħal din ma kellha ebda dritt li twaqqaf lill-pulizija jew lill-Avukat Ġenerali milli tagħmel dan, u lanqas li tagħżel liema akkużi se jinħarġu, iddeċieda Falzon Scerri, fid-digriet interlokutorju tiegħu.
F’termini tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, huwa meħtieġ permess speċjali mill-Qorti li tkun qed tisma’ sabiex jiġi ppreżentat appell minn digriet interlokutorju. Fil-5 ta’ Diċembru, l-avukat ta’ Gauci ressaq rikors fejn talab awtorizzazzjoni mill-qorti biex jappella s-sentenza. Il-qorti ppjanat seduta l-ġimgħa d-dieħla, sabiex tisma’ sottomissjonijiet dwar din l-applikazzjoni.
//= $special ?>