L-awtoritajiet Ukreni jinsabu ferm imħassba għall-fatt li r-Russi, bħalissa, qed jippjanaw offensiva ġdida – invazjoni mill-ġdid tat-territorji Ukreni li mistennija tibda mal-bidu tas-sena l-ġdida.
Minkejja li fl-aħħar ġimgħat it-truppi ta’ Putin ġarrbu disfatta wara l-oħra, jidher li l-Kremlin xorta huwa determinat li jerġa’ javvanza lejn il-qalba tal-Ukrajna biex jieħu f’idejh aktar bliet u rħula.
Kien għalhekk li l-President Zelensky wissa biex Kiev u l-alleati ma jneħħux l-attenzjoni fuq kull mossa minn naħa tat-tmexxija f’Moska, għaliex dan ikun żball.
Mal-media Ingliża tkellem ukoll il-Ministru tad-Difiża tal-Ukrajna Oleksii Reznikov illi spekula li l-invazjoni li jmiss se tibda fi Frar, meta r-riservisti jkunu lestew it-taħriġ tagħhom. Reznikov kien qed jirreferi għat-300,000 suldat li sejjaħ Putin biex jingħaqdu mal-offensiva militari tal-armata tiegħu u li fi żmien xahar u nofs mistenni jkunu ġew imħarrġa biex iservu bħala suldati.
Intant, fl-aħħar sigħat, Kiev spiċċat mill-ġdid taħt attakka. B’rapporti jindikaw li fl-isplużjonijiet inqatlu anke nies ċivili – disat ijiem biss qabel il-festa tal-Milied.
//= $special ?>