Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Jirrankaw l-attakki bil-missili u d-drones min-naħa tar-Russja

Il-qawwiet tar-Russja fl-aħħar sigħat sparaw għexieren ta’missili lejn l-ibliet madwar l-Ukrajna minbarra li wettqu anki sensiela ta’ attakki bid-drones fuq il-kapitali Ukrena Kiev u l-inħawi lejn it-Tramuntana, in-Nofsinar u ċ-ċentru tal-Ukrajna.

Fl-attakki mietu diversi ċivili fl-inħawi ta’ Kryvyi Rih u Kherson, bl-uffiċjali fi Kiev jgħidu li r-Russi sparaw sa 40 missila lejn il-kapitali f’waħda mill-agħar burraxki mid-data tal-invażjoni tal-Ukrajna mit-truppi tal-Kremlin, fl-24 ta’ Frar. Intant, il-maġġoranza assoluta ta’ dawn il-missili twaqqgħu qabel ma laqtu l-miri grazzi għall-effiċjenza tad-difiżi Ukreni.

L-attakki tar-Russja intensifikaw din il-ġimgħa meta l-Kremlin qed jinsisti bl-offensiva fuq l-infrastruttura ċivili tal-Ukrajna. Dan meta l-Ukrajna akkużat lir-Russja b’li qed tuża x-xitwa bħala ‘arma tal-gwerra’ fuq iċ-ċivili permezz ta’ din l-offensiva fuq il-faċilitajiet essenzjali għall-ġenerazzjoni tas-sħana għal waqt ix-xitwa kiefra fir-reġjun.

U waqt li s-servizzi għall-emerġenzi Ukreni qed jistinkaw biex jirristawraw il-provvisti tad-dawl għall-poplu, is-sitwazzjoni tagħhom baqgħet waħda diffiċli għall-aħħar.

Il-belt ta’ Kharkiv – it-tieni l-akbar fl-Ukrajna —  spiċċat kompletament bla dawl, l-istess bħal diversi reġjuni Ukreni oħrajn. Fil-fatt, l-operatur tal-enerġija Ukrenergo qal li l-konsum tad-dawl f’ħafna bnadi tal-Ukrajna naqsu bin-nofs wara l-aħħar attakki.

Sar magħruf ukoll li anki r-reġjun ta’ Sumy – qrib il-fruntiera mar-Russja –qed ibati minn problemi kbar tal-enerġija. Dan waqt li l-awtoritajiet fl-ibliet ċentrali ta’  Poltava and Kremenchuk ikkonfermaw il-qerda kolossali tal-infrastruttura wara l-baraxx tal-missili min-naħa tar-Russi.

Ir-Russja ilha min-nofs Ottubru tispara l-mijiet tal-missili lejn l-ibliet tal-Ukrajna u f’liema attakki qed jispikkaw ukoll id-drones immanifatturati fl-Iran. Dan fost indikazzjonijiet li l-Iran qed iservi bħala alleat militari ewlieni ta’ Moska f’din il-gwerra u meta ħafna mid-drones inkwistjoni qegħdin ikunu interċettati mid-difiżi Ukreni.