Internazzjonali Lokali

Il-messaġġ ta’ Robert Abela jistona ma’ dak li qalu l-kumplament tal-Mexxejja Ewropej

Wara l-iskandlu li fl-aħħar jiem heżżeż l-istituzzjonijiet Ewropej… skandlu li fih hemm involuta l-MEP Socjalista Eva Kaili… il-Prim Ministru Robert Abela ħass li kellu jikkritika l-mod ta’ kif ittieħdu d-deċiżjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ. U minflok faħħar il-fatt li l-Parlament aġixxa mal-ewwel, għażel li jitfa’ dubju fuq l-azzjonijiet immedjati li ttieħdu. Dan filwaqt illi indika li l-UE għandha tibqa’ qrib il-Qatar.

F’kummenti li kien qed jagħti fi Brussell lill-PBS, Robert Abela qal it-tmexxija tal-Parlament Ewropew kienet pronta biex tieħu d-deċiżjonijiet.

B’Robert Abela bħal donnu ried jitfa’ dawl ikrah fuq it-tmexxija tal-Parlament Ewropew …meta l-mexxejja kollha l-oħra li kienu preżenti għas-summit, kollha faħħru bla tlaqliq il-fatt li Roberta Metsola u l-Parlament Ewropew aġixxew mal-ewwel.

L-akkuża principali f’dan il-każ hija li l-Qatar u l-Marokk provaw jinfluwenzaw lill-politiċi jew persuni influwenti fl-istituzzjonijiet Ewropej. Dan permezz ta’ somom kbar ta’ flus, jew rigali lussużi.

Il-manuvri inkixfu wara investigazzjoni delikata li saret mill-Pulizija Federali Belġjana, fi Brussell. U fil-jiem li ġejjin mistennija tittieħed azzjoni fil-konfront tal-MEP Socjalista li se titressaq il-Qorti. L-akkużati l-oħrajn qed jinżammu taħt arrest.

Il-Prim Ministru Malti qal li f’dan il-każ wieħed irid iħalli lill-istituzzjonijiet jaħdmu; iżda li ma qalx hu…li l-Parlament għamel propju dan – li ħalla l-Qrati u l-Pulizija jaħdmu biex waslu għar-raids li saru fl-aħħar jiem.

Intant, l-MEP Nazzjonalista David Casa wkoll wera d-diżappunt tiegħu għal dak li qal il-Prim Ministru fejn stqarr li Abela huwa l-inqas persuna li jista’ jitkellem fuq il-ġlied kontra l-korruzzjoni.