Lokali

Il-PN jitlob li jkun evalwat mill-ġdid l-għoti tal-liċenzja lill-AUM

Rapporti fil-media żvelaw li l-AUM, immexxija f’pajjiżna mill-Ġordaniżi, m’għadhiex rikonoxxuta u akkreditata fil-Ġordan stess, minn fejn ġej Hani Salah, l-operatur tas-suppost università, li kienet ingħatat il-liċenzja biex topera f’Malta u li baqgħet qatt ma laħqet l-aspettattivi mistennija.

Fid-dawl ta’ dan, Justin Schembri, il-Kelliem għall-Edukazzjoni saħaq li f’isem il-Partit Nazzjonalista, jesprimi t-tħassib serju għan-notifika mibgħuta mill-Ambaxxata Ġordaniża bbażata fit-Tuniżija u li permezz tagħha qed tkun rivokata l-akkreditazzjoni tal-AUM.

Il-Partit Nazzjonalista ilu x-xhur, fosthom fil-Parlament, jisħaq li l-awtoritajiet Maltin ma kellhom qatt jagħtu liċenzja ta’ Università lil champion tal-kostruzzjoni u novizz fl-Edukazzjoni, jiġifieri lill-Ġordaniż Hani Salah.

Sal-lum, din l-Università m’għandhiex aktar minn 200 student, minkejja li suppost kellu jkollha madwar 10,000 student. Il-qagħda prekarja tal-AUM wasslet biex l-istituzzjoni liċenzjata lokalment mill-MFHEA ħabbret f’Lulju li għadda li studenti Maltin li jagħżlu li jistudjaw fl-AUM mhux se jħallsu l-miżati għad-dħul.

Il-Partit Nazzjonalista, fid-dawl ta’ dan ir-rapport, jistenna kjarifika dwar kemm din l-Università hi leġittima u kemm hu ġustifikabbli li tibqa’ topera b’liċenzja maħruġa mill-awtoritajiet Maltin. Għaldaqstant, qed jitlob li jkun evalwat mill-ġdid l-għoti tal-liċenzja lill-AUM.