Lokali

In-nuqqas ta’ ippjanar faga pajjiż – PN

Ir-residenti f’Birżebbuġa u f’Bengħajsa, il-ħaddiema f’Ħal Far u l-bdiewa fl-inħawi ta’ Ħal Far u Bengħajsa għadhom qed ibatu minn irwejjaħ insapportabli li bdew minn mindu beda jopera l-impjant tal-ipproċessar tal-ħut fiz-Zona Industrijali ta’ Ħal Far.

Dan ħareġ fi stqarrija tad-Deputati Nazzjonalista Toni Bezzina, Stanley Zammit kif ukoll Janice Chetcuti.

Dan l-inkonvenjent għadu għaddej b’mod konsistenti anke wara numru kbir ta’ lmenti u minkejja li l-Gvern, bi tweġibiet ghal Mistoqsijiet Parlamentari ta’ Deputati Nazzjonalisti, qed jgħid li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi qed tinvestiga u tagħmel monitoraġġ tal-operat tal-impjant.

Anke jekk dan l-impjant kien ordnat ma jużax is-sistema tad-drenaġġ, u din qed tkun imnaddfa wara sadd ikkawżat mill-materjal mitfugħ mill-istess impjant, dan għadu jiżbroffa fit-toroq residenzjali ta’ Birżebbuġa malli tagħmel ftit xita.
Il-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi li l-kunċett ta’ riċiklar ta’ fdalijiet tal-ħut hu kunċett pożittiv u meħtieġ. Mill-banda l-oħra, mhux aċċettabbli li dan il-kunċett jitwettaq mingħajr l-investiment adekwat f’insfrastruturi anċillari, bħal dawk tas-sistema tad-drenaġġ.

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-fatt li f’disa’ snin, il-Gvern Laburista ma ppjana xejn biex is-sistema tad-drenaġġ f’Birżebbuġa tkun tiflaħ għaż-żieda esaġerata fil-bini fil-lokalità, bħal fil-kumplament ta’ Malta, u ma ppjana ghall-ebda industrija ġdida, inkluż dik ċirkolari.

Il-konsegwenzi ta’ dan in-nuqqas serju ta’ ippjanar qed iħallsu għalih ir-residenti bit-taxxi u bit-tnaqqir tal-kwalità tal-ħajja tagħhom. Ir-residenti għadhom qed ibatu għax il-Gvern naqas, qed jonqos u qed jinjora lilhom u lir-rappreżentanti tagħhom.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jesiġi li l-impjant jitwaqqaf milli jopera sakemm issir investigazzjoni u jkun iddeterminat u eliminat is-sors ta’ dan l-inkonvenjent.

Il-Partit Nazzjonalista jenfasizza fuq il-ħtieġa li l-infrastruttura tkun aġġornata biex tkun tista’ tlaħħaq mal-iżvilupp fil-bini sfrenat tal-aħħar snin u bi ħsieb għall-futur. L-industrija għandha tingħata alternattiva biex tkun tista’ topera bl-ogħla standards possibbli mingħajr ma tistrapazza l-infrastruttura li tħalliet tiddeterjora fl-aħħar snin.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li r-residenti jistħoqqilhom ambjent pjaċevoli fejn jgħixu, fejn jaħdmu u fejn jistrieħu, b’din għandha tingħata prijorità fuq kull interess ekonomiku u għalhekk, se jibqa’ jkun fuq in-naħa tan-nies anke f’din il-kwistjoni.

Minn naħa l-oħra, il-Gvern qed ifalli bi kbir meta mhux jagħmel biżżejjed biex isib is-soluzzjonijiet meħtieġa għall-intejjen u r-residwi ta’ ħut kawża ta’ żbroff ta’ drenaġġ li qed inaqqrulhom il-kwalità tal-ħajja.