Lokali Qorti

Ir-Rettur tal-Kulleġġ San Albert ħafer għalliema li offenditu fuq Facebook

Ir-Rettur tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir tal-Belt, Patri Aaron Zahra ħafer lill-għalliema tal-istess Kulleġġ, Maria Scicluna Mantas wara li kienet offenditu fuq il-meżżi soċjali. L-għalliema wżat kliem vulgari u għajjret lir-Rettur bi kliem “bżieq” fuq Facebook u dan b’rabta mat-tkeċċija tas-surmast Mario Mallia.

L-għalliema tressqet quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, fejn ġie akkużata li f’Awwissu li għadda użat meżżi ta’ telekomunikazzjoni b’mod mhux xieraq u dan minħabba li l-Kulleġġ San Albert ħareġ sejħiet għal żewġ kapijiet tal-iskola, biex wieħed minnhom jieħu post Mario Mallia.

Hekk kif kienet se tibda tinstema’ l-kawża, Patri Zahra għamel talba biex jitwaqqfu l-proċeduri kontra l-għalliema. Huwa qal fil-Qorti li kien diġa’ tkellem magħha dwar dak li seħħ u tenna li Maria Scicluna Mantas għadha taħdem mal-Kulleġġ bħala għalliema. Saħaq li hija kienet talbitu skuża u ħafrilha. Il-Maġistrat Galea xorta wissiet bil-qawwa kollha lill-imputata dwar l-aġir tagħha u qaltilha li l-aġir tagħha seta’ wassal biex tħallas multa ta’ €23,000 u t-tneħħija tal-warrant ta’ għalliema.