Futbol Sport

Matthew Guillaumier l-eroj tal-Ispartans f’rebħa kontra Marsaxlokk

(Ritratt: Joseph Galea)

Rowen Camilleri

MARSAXLOKK……..0

ĦAMRUN S…………….1

Marsaxlokk: M. Drobnjak, C. Uzeh, A. Attard, K. Keqi, S. Ferraris (F. Moracci 45+3’), J. Aguillar, O. Carniello, L. Aguirre, D. Vukovic, D. Agius (A. Effiong 71’), T. Fonseca (De Souza 85’)

Ħamrun S: H. Bonello, M. Guillaumier, E. Mashike, J. Soares (S. Attard 85’), R. Prsa, R. Callegari (S. Borg 60’), B. Ederson (J. Robert 60’), O. Bjelicic, J. Corbalan (V. De Freitas 45+1’), E. Marcelina, R. Camenzuli

Imwissija: C. Uzeh 34’, O. Carniello 83’ (M), E. Marcelina 75’, M. Guillaumier 82’ (Ħ)

Skorja: M. Guillaumier 90+3′ (Ħ)

Referee: Ishmael Barbara

Assistenti Referees: Edward Spiteri u Duncan Spencer

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Santiago Ferraris (Marsaxlokk)

BOV Plejer tal-logħba: Roko Prsa (Ħamrun Spartans)

B’gowl fit-tielet minuta tal-ħin miżjud, Ħamrun Spartans kisbu t-tnax-il rebħa tal-istaġun meta għelbu lil Marsaxlokk 1-0. Minn naħa l-oħra x-Xlukkajri kellhom logħba tajba ferm minbarra li kienu organizzati ferm, kellhom ukoll il-mumenti tagħhom u taw sfida denja lil wieħed mill-aqwa timijiet fil-Kampjonat.

Fis-17-il minuta Corbalan għadda lejn Mashike, b’dan tal-aħħar jaqbeż lill- goalkeeper Żebbuġi u prova jagħti lejn Dodo iżda d-difiża tajjret fil-ħin qabel ma’ ħa l-ballun in-numru għaxra ta’ Ħamrun fejn kien isib ruħu quddiem lasta vojta. Mashike tilef ċans tad-deheb fis-27 minuta meta rċieva kross preċiż mingħand Ryan Camenzuli, iżda wara li niżżel b’sidru l-attakkant tal-Ispartans spara għoli.

Fil-45 minuta Marsaxlokk ipprotestaw bil-kbir għal penalty, hekk kif skond huma minn xutt ta’ Keqi l-ballun ħabat ma’ idejn id-difensur Bjelicic, iżda Ishmael Barbara u l-assistenti tiegħu ma rawx irregolaritajiet.

Minuta wara Kristian Keqi approfitta minn żball difensiv ta’ Marcelina u avvanza bil-ballun sal-kaxxa avversarja, iżda kif wasal viċin ta’ Bonello l-konklużjoni fil-baxx tiegħu kienet żbaljata u l-ballun għadda barra. Din kienet l-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima biż-żewġ timijiet jidħlu jistrieħu fi draw ta’ mingħajr gowls.

L-ewwel xutt fit-tieni taqsima wasal minn Ħamrun wara żewġ minuti permezz ta’ Guillaumier minn barra l-kaxxa li għadda kemmxejn għoli.

Fl-64 minuta Henry Bonello wettaq save sabiħ u dawwar f’korner id-daqqa ta’ ras ta’ Uzeh minn kross ta’ Ferraris biex mill-korner mbgħad kien Fonseca li b’daqqa ta’ ras mar viċin iżda l-ballun għadda ftit barra. Fid-69 minuta Ryan Camenzuli jitfa’ kross perfett fid-direzzjoni ta’ Elvis Mashike iżda d-daqqa ta’ras ta’ dan tal-aħħar marret barra.

Kwarta mit-tmiem minn azzjoni personali, Elvis Mashike ttanta xortieħ minn barra l-kaxxa, iżda minkejja li kien xutt b’saħħtu, kien ċentrali wisq u Drobnjak tajjar il-periklu. Ħames minuti wara Dodo jfalli bi kbir meta rċieva pass fit-tul mingħand Marcelina iżda minn taħt il-lasta tefa’ barra. Fit-82 minuta kontrattakk veloċi mis-sostitut Jonny li bil-ġirja qata’ kompletament id-difiża iżda minn qagħda ideali mar għas-saħħa u l-ballun spiċċa barra. Fit-88 minuta kontrattakk tax-Xlukkajri jispiċċa b’xutt minn barra ta’ Aguirre li jispiċċa f’idejn Bonello.

Ħamrun Spartans skorjaw il-gowl tar-rebħa fit-tielet minuta tal-ħin miżjud fejn wara ħarġa difettuża tal-goalkeeper Drobnjak, il-ballun wasal għand Jonny li tefa’ kross fil-kaxxa li sab lil Matthew Guillaumier li għola fuq kulħadd u b’daqqa ta’ ras tefa’ ġewwa f’lasta vojta. Minuta wara meta Marsaxlokk tefgħu kollox fuq l-attakk, minn kontrattakk Mashike ħarab id-difiża u minn qagħda angolata prova xutt li kien imdawwar f’korner minn Drobnjak, korner li ma ngħatax minħabba li Ishmael Barbara saffar tmiem il-konfront.