Lokali Qorti

Mhux ħati li stupra tfajla għaliex l-att kien kunsenswali

Tork ta’ 45 sena ma nstabx ħati li ħames snin ilu stupra żagħżugħa Svediża fir-residenza tiegħu San Ġiljan. Il-Maġistrat Joe Mifsud fis-sentenza tiegħu qal li dan mhux biss minħabba li l-allegata vittma ma kienet konsistenti xejn fix-xhieda tagħha filwaqt li l-akkużat kien konsistenti, iżda punt kruċjali huwa li mill-eżamijiet mediċi li saru fuqha, fis-sigħat ta’ wara li sar ir-rapport, eżatt wara li hija telqet mill-appartament tiegħu, ma kien hemm xejn x’jindika li hija
setgħet kienet soġġetta għal xi att sesswali kontra r-rieda tagħha.

Mill-provi rriżulta li dak li seħħ ma kienx stupru xejn iżda kien att sesswali kunsenswali. Murat Durmaz dejjem ċaħad l-akkużi miġjubin kontrih li huwa kien sforza lit-tfajla li dak iż-żmien kellha 26 sena li huwa kien stupraha. Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li hemm assenza kompleta ta’ tbenġil fil-parti privata tagħha.

Dan kien każ ta’ inkontru b’kumbinazzjoni filgħaxija bejn raġel u mara Svediża fi club nhar is-Sibt 7 ta’ Ottubru tal-2017, segwit minn episodju sesswali bejn il-koppja. Durmaz kien iltaqa’ maż-żagħżugħa waqt li kien f’bar u wara diversi ‘drinks’ flimkien, it-tnejn spiċċaw fil-penthouse tiegħu f’San Ġiljan.

Il-mara kienet ressqet rapport fejn sostniet li kienet ġiet stuprata mir-raġel li kien offra li jeħodha d-dar tagħha imma minflok ħadha fir-residenza tiegħu fejn qaletli kellu x’jaqsam magħha waqt li kienet fis-sakra. Jidher li l-mara kienet qalet li kienet impressjonata bil-mod kif kienet qed jiżvolġi d-diskussjoni mal-imputat, speċjalment dwar l-istatus soċjali tiegħu u li għandu ‘penthouse’ mgħammra bil-Jacuzzi. Barra minn hekk, hija kienet qalet li “ħassitha sigura” wara li skont hi qalilha li kien gay.

“Din il-Qorti issibha diffiċli biex f’sitwazzjoni fejn kien hemm reżistenza minn naħa tat-tfajla għall-att sesswali meta hi stqarret għall-fatt li sar użu minn xi armi bil-ponta fuqha, li dawn qatt ma ġew identifikati jew elevati mill-appartament tal-imputat” qal il-Maġistrat Mifsud,

Kompla li waqt l-istess att sesswali, tali sitwazzjonijiet ma kkaġunaw l-ebda tbenġil fuq il-persuna tagħha inkluż
wkoll fil-parti privata tagħha, kif wkoll xi forma ta’ grif jew feriti oħra fl-għonq minkejja li l-oġġett indikat minnha f’ħin
minnhom inżamm m’għonqha.

Il-Qorti qalet ukoll li minn eżami taż-żewġ stqarrijiet l-imputat ta lill-uffiċjali prosekuturi fil-ġranet ta’ wara l-arrest tiegħu u anke tad-deposizzjoni li huwa minn jeddu ta quddiem l-istess Qorti, ma jirriżultax li kien hemm xi diskrepanzi fir-rakkont tiegħu tal-fatti.

Għalkemm it-tfajla ipprovat tiskredita lill-imputat billi tagħti impressjoni fix-xhieda tagħha li l-imputat ftakar li
kien hemm penetrazzjoni biss waqt li huwa kien qed jagħti x-xhieda tiegħu u mhux waqt l-istqarrijiet tiegħu, tali
asserzjoni mhijiex korretta. Dan għaliex fit-tieni stqarrija tiegħu l-imputat indika li kien hemm “intercourse” (l-att sesswali) bejn it-tnejn.

Il-Qorti kompliet tgħid li fid-dawl ta’ dan kollu l-Qorti mhijiex moralment konvinta li Durmaz sforza lit-tfajla sabiex jkollha x’taqsam miegħu kontra l-volontà tagħha. Kif ingħad huwa minnu li t-tfajla setgħet kienet taħt l-influwenza tax-xorb għax kienet għamlet lejl tixrob u dieħla u ħierġa minn bar għall-ieħor.

Pero għalkemm taħt l-effett tax-xorb, il-Qorti qalet li ma temminx li hija kienet fi stat ta’ sokor li għamilha impossibli għaliha li tirresisti għall-avvanzi sesswali tal-imputat. Hija kienet kapaċi tiddeċiedi dak li riedet tagħmel hi. Tenut kont ta’ kollox, il-Qorti sostniet li temmen li dak li effettivament ġara bejn il-partijiet kien att sesswali kunsenswali.

Wara imbagħad il-parte civile kellha ripensament fuq dak li kienet għamlet u ikkonsentiet għalih. Għaldaqstant għal dawn il-motivi il-Qorti ma sabitx lil Murat Durmaz ħati tal-akkuza ta’ stupru u illiberatu minn kull imputazzjoni u ħtija.
Il-Qorti ordnat li isem it-tfajla ma jixxandarx. Għal Durmaz deheru l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri. L-Ispetturi Paula Ciantar u Matthew Spagnol mexxew il-prosekuzzjoni. Għall-mara deher l-avukat Alfred Abela.