Libjan ta’ 41 sena nstab ħati mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li aktar minn sitt snin ilu waddab il-ġebel lejn tliiet uffiċjali tas-sigurtà f’Paceville u dan talli ma ħallewx jidħol ma’ persuni oħra fi stabbiliement. Sħabu fil-fatt kienu tkeċċew mill-post wara li kienu nvoluti fi ġlieda. Ibrahim Ben Jeddi ġie mmultat €100.
Dwar dan il-każ l-Ispettur Matthew Spagnol li nvestiga l-każ spjega li kien fil-21 ta’ Mejju tal-2016 li dan l-inċident seħħ u dan kien għall-ħabta tas-7.00am. fi Triq San Ġorġ San Ġiljan bl-awtur li tefa’ l-ġebel ikun Ibrahim Ben Jeddi, li minn naħa tiegħu ma nstabx ħati li bl-aġir tiegħu weġġa’ lit-tliet membri tas-sigurta.
Huwa ma nstabx ħati wkoll li kellu sikkina bla liċenzja, li kkaġuna biża’ lill-istess membri u li kiser il-paċi pubblika għax ingħad li l-ġlieda seħħet “f’post b’ħafna nies u kaotiku li jara ħafna minn dawn il-ġliediet.” Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li mhux ċar jekk Ben Jeddi kienx involut fil-ġlieda direttament jew jekk inqabadx ma’ persuni li kien jaf, kif iddikjara hu stess fi stqarrija rilaxxata minnu wara l-inċident.
B’rabta ma’ dan il-każ, f’April tal-2018, Libjan ta’ 36 sena ntbagħat sitt xhur ħabs u ġie mmultat wara li nstab ħati li weġġa’ ħafif lil wieħed mis-securities b’daqqa ta’ xabla f’koxxtu. Il-Qorti ordnat il-ħruġ ta’ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittmi għal sena. Ibrahim Ben Jedd kien ġie kundannat erba’ xhur ħabs talli kien kiser il-kundizzjonijiet tal-bail b’rabta ma’ l-istess każ.
//= $special ?>