Jibqa’ ma jimplimentax ir-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia
Wara li għaddew aktar minn 16-il xahar mill-pubblikazzjoni tar-Rapport tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Gvern immexxi minn Robert Abela baqa’ ma implimenta l-ebda waħda mir-rakkomandazzjonijiet li għamlu t-tliet Imħallfin.
Dan ħareġ fi stqarrija maħruġa mid-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.
Bl-imġieba tiegħu, Robert Abela jrid inessi l-memorja u l-investigazzjonijiet ta’ Daphne Caruana Galizia u qed jibqa’ jitratta lill-ġurnalisti bħala l-għadu tiegħu u jibqa’ jfixklihom fil-qadi tad-dmirijiethom f’kull okkażjoni. Hu skandaluż li wara aktar minn sitt snin minn meta ġew żvelati l-Panama Papers, Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Keith Schembri u dawk kollha involuti f’każi ċari ta’ korruzzjoni baqgħu ma ġewx imressqa quddiem il-ġustizzja.
Minflok mexa mar-rakkomandazzjoni tat-tliet Imħallfin, Robert Abela ppreżenta tliet abbozzi ta’ liġi dwar is-settur tal-media f’pajjiżna, li tfasslu bil-moħbi u mingħajr l-ebda konsultazzjoni pubblika. Dawn it-tliet abbozzi ta’ liġijiet kellhom għan wieħed biss: it-tnaqqis fid-drittijiet u l-libertajiet bażiċi.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li f’Lulju li għadda, għat-tieni darba, ippreżenta abbozz ta’ liġi li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Iżda minkejja li għaddew kważi sitt xhur oħra, il-Gvern għadu qed jirrifjuta li jpoġġi fuq l-aġenda tal-Parlament dan l-abbozz ta’ liġi mressaq mill-Partit Nazzjonalista.
Għalhekk, illum, f’għeluq it-62 xahar mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Partit Nazzjonalista qed isejjaħ pubblikament lill-Prim Ministru Robert Abela biex ipoġġi l-abbozz ta’ liġi li ressaq il-Partit Nazzjonalista fuq nett tal-aġenda tal-Parlament meta dan jerġa jiltaqa’ fil-bidu tas-sena d-dieħla.
//= $special ?>