Lokali Temp

Temp kważi sajfi ġimgħa biss ‘il bogħod mill-Milied

Il-ġurnata tal-Ġimgħa kienet immarkata bħala l-aktar ġurnata sħuna irreġistrata għax-xahar ta’ Diċembru – Dan hekk kif it-temperatura telgħet għal 25°C.

Meta mqabbel mas-snin preċedenti, jidher li dan huwa rekord għal Malta. U l-aħħar darba li t-temp kien jinħass daqshekk sħun fix-xahar ta’ Diċembru – ix-xahar assoċjat ma’ temp kiesaħ għaz-zmien tal-Milied – kien madwar 60 sena ilu.

Dawn kollu jġib miegħu aħbarijiet tajbin għal Maltin għaliex filwaqt li l-maggorparti tal-Ewropa tinsab friżata u miksija bil-borra minħabba kurrenti kesħin mill-Artiku, it-temp fil-gżejjer Maltin baqa’ sħun minħabba influssi sħan minn fuq l-Afrika.

Dan jawgura tajjeb ukoll speċjalment għal dawk li għad baqagħlhom xi xiri tal-Milied xi jlestu kif ukoll b’mod partikolari għal min qed jorganizza attivitajiet fuq barra. Għalkemm it-temperaturi żgur li ma jgħinux biex wieħed jidħol fl-ambjent festiv tal-Milied.

Sa tmiem il-ġimgħa hu mistenni li jżid ir-riħ minn moderat għal pjuttost qawwi lejn il-majjistral, filwaqt li t-temperaturi huma mbassra li jinżlu għal massimu ta’ 19°C is-Sibt u 18°C tul il-jum tal-Ħadd – xorta temperaturi sħan għal dan iż-żmien.

It-tbassir jindika wkoll li sal-ewwel tas-sena, mhux mistenni li jkollna ġranet bix-xita. Filwaqt li fil-maġġoranza, se jkunu ġranet b’temperaturi qrib it-18-il grad.

Skont informazzjoni maħruġa mill-uffiċju meterjologiku ta’ Malta, tul l-aħħar 100 sena, it-temperatura massima fil-gżejjer Maltin rreġistrata f’Diċembru varjat bejn 17.2 għal 24.3°C.

L-ogħla temperatura uffiċjali għal Diċembru rreġistrata mill-uffiċċju Meterjologiku kienet tlaħħaq l-24.3°C …u tkejjlet fl-1963.

Fl-aħħar 20 sena, l-ogħla temperaturi rreġistrati f’Diċembru kienu jvarjaw bejn 23.6°C fl-2009 u 23.5°C fl-2010 rispettivament.

Intant jekk wieħed ikollu joqgħod fuq l-irwiegel – tradizzjoni popolari mal-bdiewa li kienet tintuża fl-imgħoddi sabiex ibassru tat-temp, jidher li f’April li ġej se jkollna xahar mill-aktar sħun u xemxi… filwaqt li fl-ewwel xhur tas-sena, ftit li xejn ser ikollna xita.