Lokali

Tikber il-pressjoni fuq il-Gvern minħabba l-liġi tal-abort

Tissokta l-konfużjoni fost il-membri tal-Gvern wara li l-Prim Ministru baqa’ jżomm pożizzjoni stinata rigward il-liġi tal-abort; liġi li sa issa żammha kif inhi, u ma ġietx emendata. Tant li nhar it-Tnejn, se jittieħed il-vot fil-Parlament fi stadju ta’ Tieni Qari.

Fl-aħħar sigħat, il-Ministru tal-Ġustizzja stqarr magħna li ltaqa’ ma’ xi entitajiet, u li qed jisma’ lin-nies madankollu, xorta għad m’hemm l-ebda tibdil fil-liġi li se temenda l-kodiċi kriminali, u li se tkun qed tippermetti l-qtil tat-tarbija fil-ġuf.

F’kummenti li Net News, il-Ministru Jonathan Attard qalilna illi qed jiddiskutu mal-professjonijiet mediċi iżda mkien ma’ semma’ lill-Assoċjazzjoni tat-Tobba, lill-ġinekologi jew lill-ispiżjara.

Dwar din il-liġi tal-abort, fl-aħħar gimghat, kien hemm għadd ta’ professjonisti mediċi li tkellmu fuq kif din l-emenda se tkun qed iddaħħal l-abort f’pajjiżna. Inkluż 450 tabib, il-Kamra tal-Ispiżjara, l-Assoċjazzjoni Medika Maltija, li hija l-entità li tirrapreżenta t-tobba fejn talbet lill-Gvern ta’ Abela biex f’isem il-professjoni medika ma jdaħħalx l-abort.

Dawn huma kollha professjonisti mediċi.

Apparti dan, tkellmu wkoll ‘il fuq minn 80 akkademiku, l-President Emeritu, Marie Louise Coleiro Preca, l-eks Deputat Mexxej Laburista Joe Brincat, l-eks Deputat Laburista Luciano Busuttil, u l-esponent Laburista Desmond Zammit Marmara.

Minkejja l-pressjoni kollha li qed issir, jidher li Robert Abela u l-Gvern tiegħu jrid jibqa’ għaddej b’din il-liġi. U sa issa għadu mhux ċar ma min qed jiddiskuti.

Internament, il-liġi tal-abort ħolqot kaos sħiħ fil-Grupp Parlamentari Laburista…bil-Ministri jispiċċaw iwaħħlu fil-professjonisti.

Apparti li kulħadd qed ifajjar dawn it-tip ta’ dikjarazzjonijiet, kien hemm ukoll mat-30 deputat tal-Labour illi ma ppartecipawx fid-dibattitu Parlamentari li matulu giet diskussa din l-emenda.

B’kuntrast, il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista qed iżomm pożizzjoni waħda, ċara u magħquda kontra l-introduzzjoni tal-abort f’pajjiżna.