Il-futbol internazzjonali, partikolarment dak Taljan, jinsab f’luttu hekk kif ftit tal-ħin ilu tħabbret il-mewt tal-eks plejer u kowċ ta’ diversi klabbs fl-Italja Sinisa Mihajlovic wara ġlieda mal-marda tal-Leukemia.
Mihajlovic, li kellu 53 sena, marad bil-Leukemia f’Lulju tal-2019 iżda wara ftit żmien wieqaf mix-xena tal-futbol xorta waħda baqa’ kowċ ta’ Bologna wara li l-President Walter Sabatini kien qal li bla dubju Mihajlovic kien se jżomm postu meta jirritorna. Huwa baqa’ kowċ ta’ Bologna sa Settembru li għadda.
Bħala plejer Mihajlovic beda l-karriera mat-tim Kroat ta’ Borovo fil-Kroazja biex mbagħad lagħab ukoll għal Vojvodina u Red Star Belgrade fis-Serbja. Fl-1992 Mihajlovic laqat l-għajn ta’ diversi klabbs Ewropej u kienu Roma li ffirmawh anke minħabba li l-kowċ kien is-Serb Vujadin Boškov. Wara żewġ staġuni ma’ Roma, Mihajlovic ingħaqad ma’ Sampdoria fejn hemm lagħab sal-istaġun 1998/99 sakemm kellu esperjenza oħra ta’ erba’ staġuni ma’ Lazio. L-aħħar tim li lagħab miegħu Mihajlovic kien Inter fejn magħhom lagħab għal żewġ staġuni bejn l-2004 u l-2006. Bħala plejer huwa rebaħ fost oħrajn darbtejn il-kampjonat Seria A ma’ Lazio fl-istaġun 1999/2000 u ma’ Inter fl-2005/06.
Wara li rtira mill-futbol milgħub, Sinisa Mihajlovic beda l-karriera ta’ kowċ fejn l-ewwel kien assistent ta’ Roberto Mancini ma’ Inter għal żewġ staġuni wara li t-tnejn lagħbu flimkien għal ħames staġuni ma’ Lazio u Sampdoria. Wara li Mancini tkeċċa biex ħa postu Jose Mourinho fl-2008 Mihajlovic telaq ukoll u f’Novembru tal-2008 huwa inħatar kowċ ta’ Bologna fl-ewwel esperjenza tiegħu mat-tim minn Emilia-Romagna qabel ma’ mbagħad wara diversi esperjenzi oħra reġa ingħaqad magħhom f’Jannar tal-2019. Qabel dan huwa mexxa wkoll lil Catania, Fiorentina, Milan, Sampdoria, Torino u lil Sporting Lisbon fil-Portugall.
Mihajlovic kellu x-xorti wkoll imexxi lis-Serbja bejn l-2012 u l-2013.
//= $special ?>