Żewġt irġiel li ppruvaw jitilqu minn supermarket mingħajr ma jħallsu għall-oġġetti li kienu mimlijin fil-ġkieket tagħhom ġew ikkundannati tliet xhur ħabs wara li ammetew l-akkużi. L-Ispettur Zachary Zammit ressaq liż-żewġt irġiel – Fatah Mohammaed Hassan ta’ 39 sena u Yonathan Esseyas Afewerki ta’ 32 sena mis-Somalja u l-Eritrea rispettivament, quddiem il-maġistrat Monica Vella.
L-irġiel, li l-Qorti kienet infurmata li m’għandhomx indirizz fiss, ġew akkużati bis-serq sempliċi ta’ oġġetti tal-ikel u tax-xorb u ta’ vagabondaġġ. Hassan waħdu kien akkużat ukoll li sar reċediv. L-Ispettur Zammit spjega li l-istaff tas-supermarket f’San Ġiljan kien ċempel lill-pulizija wara li ra lill-irġiel jieħdu oġġetti minn fuq l-ixkafef u jpoġġuhom fil-but tal-ġakketta.
L-uffiċjali tal-pulizija segwew lill-irġiel u arrestawhom, u sabu li l-oġġetti misruqa kienu moħbija ġewwa l-ġkieket tagħhom. L-Avukat Victor Bugeja, maħtur mill-Qorti biex jirrappreżenta lill-irġiel bħala għajnuna legali, informa lill-Qorti li l-irġiel kienu qed iwieġbu ħatja.
Madankollu, filwaqt li rrimarka li l-prosekuzzjoni ma wrietx kopja tas-sentenza relatata ma’ kundanna preċedenti ta’ Hassan bħala prova li ssostni l-akkuża ta’ reċidiva, Bugeja informa lill-qorti li l-ammissjoni tal-ħtija tal-irġiel ma kinitx testendi għal reċidiva.
Mistoqsija mill-qorti x’kienu qed iwieġbu, l-irġiel ikkonfermaw l-ħtija tagħhom. Fis-sottomissjonijiet tiegħu dwar il-piena Bugeja qal lill-Qorti li l-irġiel kienu kkoperaw bis-sħiħ mal-investigazzjoni tal-pulizija u li dan kien rifless fl-istqarrija tagħhom.
L-Ispettur Zammit ikkonferma din l-affermazzjoni. Minħabba l-ammissjoni u l-kooperazzjoni tagħhom, huma ħaqqhom mitigazzjoni fil-piena, qal Bugeja, li żied li għandhom jiġu ttrattati bħala ‘first time offenders’. L-Ispettur Zammit talab lill-qorti timponi piena li tirrifletti r-reat. “Messna nistħu,” qal wieħed mill-akkużati, hekk kif l-ispettur spiċċa jitkellem. Il-Qorti sabithom ħatja fuq l-ammissjoni tagħhom stess, u kkundannat liż-żewġt irġiel għal tliet xhur ħabs.
//= $special ?>