Ewropa Lokali

ANALIŻI: Il-qerq ta’ Robert Abela u l-media tiegħu dwar l-akkużi ta’ korruzzjoni mill-Qatar

FATT NUMRU 1

Għal Robert Abela, Roberta Metsola għaġġlet meta ħadet il-passi kontra l-Viċi President Soċjalista Eva Kaili. Fi Brussell lil TVM, Robert Abela qal hekk: “It-tmexxija ta’ fuq nett tal-Parlament Ewropew kienet pronta li waslet għal ċerti konklużjonijiet. B’rispett li għandi lejn l-istituzzjonijiet, jien mhux se nagħmel hekk. Jekk tistaqsini għaliex it-tmexxija tal-Parlament Ewropew ħarġet b’dawk il-konklużjonijiet, jista’ jkun li għaliex forsi għandha informazzjoni li mhijiex fid-dominju pubbliku.”

Fatt: Il-Pulizija Belġjana arrestat lill-Viċi President Soċjalista Eva Kaili l-Ġimgħa filgħodu wara li nstabu bagalji bi flus kontanti d-dar tal-istess Kaili u tal-partner tagħha, kif ukoll f’bagalja għand missierha li kien f’lukanda fi Brussell. Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola neħħiet ir-responsabbiltajiet li kellha Kaili bħala Viċi President is-Sibt, waqt li t-Tlieta, l-Parlament Ewropew ivvota biex Kaili ma tibqax Viċi President. Flok stenniet xhur biex tieħu passi, Roberta Metsola aġixxiet fi ftit siegħat.

FATT NUMRU 2

Skont il-media tal-Partit Laburista, Eva Kaili hi Viċi President ta’ Roberta Metsola. Bil-One jgħid “Viċi President ta’ Roberta Metsola, il-Griega Eva Kailli.”

Fatt: Eva Kaili hi Membru tal-Parlament Ewropew tal-Grupp Soċjalista. Kienet nominata mill-Grupp tas-Soċjalisti bħala Viċi President, u kienet tirrapreżenta l-istess grupp fil-Bureau tal-Parlament Ewropew. Kienet waħda minn 14-il Viċi President tal-Parlament Ewropew. Konvenjentament, il-media tal-Partit Laburista fl-ebda ħin ma ssemmi li Kaili hi parti mill-Grupp tas-Soċjalisti, u li ma ġietx magħżula minn Roberta Metsola.

FATT NUMRU 3

Skont il-media tal-Partit Laburista, teżisti “korruzzjoni fit-tmexxija tal-Parlament Ewropew.”

Fatt: L-investigazzjonijiet dwar korruzzjoni huma marbuta biss ma’ Membri tal-Parlament Ewropew tal-Grupp Soċjalista. Sa issa hu magħruf li dik li kienet Viċi President Soċjalista Eva Kaili tinsab arrestata f’ħabs fi Brussell flimkien mal-partner tagħha, fejn jinsab ukoll arrestat l-eks Membru tal-Parlament Ewropew Soċjalista Antonio Panzeri.

L-awtoritajiet Belġjani wettqu tfittxija fid-dar tal-MEP Soċjalista Belġjan Marc Tarabella, waqt li ngħalqu l-uffiċini fil-Parlament Ewropew tal-MEPs Soċjalisti Maria Arena, Pietro Bartolo u Andrea Cozzolino. Ebda MEP ta’ ebda grupp politiku ieħor mhu implikat f’dan l-iskandlu ta’ korruzzjoni. U għalhekk ma teżisti ebda “korruzzjoni fit-tmexxija tal-Parlament Ewropew.”

FATT NUMRU 4

Il-media tal-Partit Laburista kkwotat lill-avukat ta’ Eva Kailli li bħalissa tinsab arrestata tiprova tiddefendi lilha nnifisha. Hu qal, kif kwotat mill-media tal-Partit Laburista: “Il-Qatar ma kellux għalfejn ixaħħamha għax kienet qed timplimenta pjan usa tal-Unjoni Ewropea u kienet qed tingħata l-ordnijiet mill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.”

Fatt: L-uniku struzzjonijiet li tat il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola – lill-kull Viċi President tal-Parlament Ewropew – hi biex jirrapreżentaw il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew f’kull laqgħa li jkollhom, inkluż – f’dan il-każ – ma’ rappreżentanti tal-Qatar. Żgur li l-flus li nstabu fid-dar ta’ Kaili u fil-bagalja ta’ missierha ma ġew minn ebda struzzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Fil-fatt, filwaqt li l-Parlament Ewropew ivvota b’saħħa kbira u esprima tħassib dwar is-sitwazzjoni fil-Qatar, fid-diskorsi tagħha, Kaili dejjem iddefendiet il-Qatar. Ġie rrapurtat ukoll li fil-laqgħat tal-Grupp Soċjalista, Kaili għamlet minn kollox biex tikkonvinċi lill-kollegi tagħha biex jivvutaw favur ”ir-riformi fil-Qatar” u biex ma jappoġġjawx it-tħassib li għandhom il-maġġoranza tal-Membri tal-Parlament Ewropew.

FATT NUMRU 5

Skont il-Prim Ministru Robert Abela, kif kwotat mill-media tal-Partit Laburista, ”kien hemm qbil fil-Kunsill li din is-sitwazzjoni hija kwistjoni tal-Parlament Ewropew li jrid isolviha l-Parlament Ewropew innifsu.”

Fatt: Kliem Prim Ministri, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u l-President tal-Kunsill Ewropew ixejnu dak li qal il-Prim Ministru. Skont dawn tal-aħħar, kien hemm qbil fost il-mexxejja Ewropej, li l-allegat tixħim tal-Qatar fuq Membri tal-Parlament Ewropew Soċjalisti ħallha impatt fuq l-Ewropa kollha. Dan hu dak li qalu mexxejja Ewropej fl-aħħar siegħat:

Il-Prim Ministru tal-Olanda Mark Rutte: Nagħti l-appoġġ kollu tiegħi lill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola. Naħseb għamlet dikjarazzjonijiet eċċellenti fl-aħħar 48 siegħa. Se tkun magħna għada fil-Kunsill Ewropew u se nagħtiha l-appoġġ kollu tiegħi fil-ħidma tagħha b’rabta ma’ dan il-każ.

Il-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka Petr Fiala: Irrid ngħid li għandi fiduċja sħiħa fil-President tal-Parlament Ewropew u kif aġixxiet f’dan il-każ.

Il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel: Kien hemm appoġġ għall-President tal-Parlament Ewropew għal kif ħadet azzjoni daqshekk malajr, biex joħorġu tagħlimiet għal din l-istituzzjoni.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen: Ninsab ħerqana biex naħdem mill-qrib mal-President tal-Parlament Ewropew dwar il-punti li għandhom x’jaqsmu maż-żewġ istituzzjonijiet. Ħafna ninsab ħerqana biex naħdem ma’ Roberta dwar dan.

FATT NUMRU 6

Skont il-Prim Ministru Robert Abela, il-każ fejn instabu flus kontanti d-dar tal-MEP Soċjalista Eva Kaili hu ”prattiċi li kienu qed igawdu minnhom, tista’ tgħid, il-Membri Parlamentari Ewropej kollha, is-700 li huma.”

Fatt: L-investigazzjoni li qed issir mill-awtoritajiet Belġjani tiffoka fuq erba’ MEPs tal-Grupp Soċjalista, u eks MEP Soċjalista, li tnejn minnhom instabulhom 1.5 miljun ewro għandhom fi flus kontanti. Dan hu każ ta’ korruzzjoni kriminalita’, u kuntrarjament għal dak li qal il-Prim Ministru, mhux is-“700 MEP’ gawdew minn dawn il-prattiċi.

FATT NUMRU 7

Alleati tal-Partit Laburista qed ixerrdu ritratti qarrieqa jimplikaw lil Roberta Metsola u l-Qatar.

Fatt: Roberta Metsola rrifjutat żewġ stediniet mill-Qatar: biex tattendi għat-Tazza tad-Dinja u biex tindirizza l-Parlament tal-Qatar. Dan minħabba t-tħassib tagħha dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż. Fil-fatt, hi għamlet din id-dikjarazzjoni fis-27 ta’ Novembru li għaddha meta kienet qed tieħu sehem fil-programm Che Tempo Che Fa fuq Rai Tre. Ħaddieħor, inkluż Ministru tal-Kabinett ta’ Robert Abela, aċċetta l-istedina biex imur il-Qatar jsegwi logħob tat-Tazza tad-Dinja.

FATT NUMRU 8

Skont il-media tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru Robert Abela qal li Roberta Metsola m’għandiex il-kredenzjali biex tagħmel ir-riformi fil-Parlament Ewropew, għaliex “hi stess prodott tas-sistema nnifisha.”

Fatt: L-uniku sistema li wasslet għall-arrest tal-MEP Soċjalista Eva Kaili hi marbuta ma’ allegat tixħim u korruzzjoni mill-Qatar lejn numru ta’ MEPs. Ma jeżistu ebda ‘sistemi’, kif prova jimplika l-Prim Ministru, li l-President tal-Parlament Ewropew “hi prodott tagħhom.” Kuntrarjament, kif qalet hi stess fil-konferenza tal-aħbarijiet, malli saret taf bl-investigazzjonijiet, il-President tal-Parlament Ewropew ħadet l-azzjonijiet neċessarji biex l-awtoritajiet Belġjani jingħataw aċċess għall-informazzjoni li għandhom bżonn, u biex riformi li hemm bżonn fil-Parlament Ewropew isiru.

FATT NUMRU 9

Skont il-media tal-Partit Laburista, “Il-Parlament Ewropew u l-istituzzjonijiet tiegħu fallew, tant li kienu l-awtoritajiet Belġjani li qabdu dan kollu.”

Fatt: Ebda Parlament fid-dinja – inkluż il-Parlament Ewropew – m’għandu l-poter li jagħmel investigazzjoni kriminali u jidħol fid-djar tal-Membri tiegħu biex jaraw għandhomx flus kontanti u biex jaraw minn fejn ġew dawk il-flus. Huma biss l-awtoritajiet ġudizzjarji – bħall-Pulizija – li għandhom dak il-poter. Hu għalhekk li l-investigazzjoni tal-każ ta’ korruzzjoni kriminali sar mill-awtoritajiet Belġjani.

FATT NUMRU 10

Skont ix-xandir pubbliku, minbarra s-Soċjalista Eva Kaili, hemm żewġ MEPs tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew involuti f’allegat korruzzjoni.

Fatt: Ma hemm ebda MEP minn ebda grupp politiku ieħor investigat b’rabta ma’ korruzzjoni, u l-indħil mill-Qatar jew pajjiż ieħor. L-MEPs involuti f’dan il-każ huma kollha tal-Grupp tas-Soċjalisti. Hemm investigazzjoni oħra li mhix qed issir mill-awtoritajiet Belġjani dwar MEP tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew Maria Spyraki, li mhix dwar korruzzjoni, iżda dwar ħlasijiet lill-impjegati tagħha. Il-każijiet la huma tal-istess livell u wisq aktar m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ xulxin.