Futbol Sport

Floriana jagħlqu s-sena b’rebħa u f’nofs il-klassifika

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

PIETÀ H…………………….1

FLORIANA……………….3

Pietà H: R. Cini, S. Okoh, C. Buhagiar, S. Mizzi (I. Farrugia 80′), O. Timitope (L. Gatt 90′), J. Ghio (K. Briffa 71′), A. Schembri Wismayer (T. Agius 80′), Y. Morita (P. Lapira 45′) A. Ogungbe, K. Leonardi, T. Yamaguchi.

Floriana: G. Kitanov (D. Formosa 71′), O. El Hasni, Z. Cassar, M. Veselji, K. Reid (A. Ciolaciu 76′, J. Arias, L. de Grazia, L. Trillo, E. Callegari, J. Busuttil (J. Scicluna 76′), A. Garzia (C. Z. Lonardelli 54′).

Skorjaw: M. Veselji 15′, K. Reid 66′, A. Ciolacu pen 79′ (F), O. Timitope 77′ (P)

Referee: Stefan Pace

Assistenti Referees: Roberto Vella u Paul Apap

BOV Plejer tal-Logħba: Mattia Veselji (Floriana)

Wara t-telfa kontra Hibernians nhar it-Tnejn li għadda, Floriana rritornaw għar-rebħ meta fit-Tony Bezzina Stadium għelbu lit-tim tal-qiegħ Pietà Hotspurs 3-1. B’din ir-rebħa Floriana żammew posthom f’nofs il-klassifika bi 22 punt, tliet punti biss ‘il bogħod mir-raba’ post.

L-ewwel azzjoni denja ta’ nota walet mill-Hotspurs wara biss erba’ minuti meta Yamaguchi prova xutt li għadda barra. Żewġ minuti wara Floriana rrispondew permezz ta’ Arias li x-xutt tiegħu kien salvat minn Cini.

Floriana fetħu l-iskor mal-kwarta logħob meta Mattia Veselji qabeż żewġ difensuri u b’xutt fil-baxx għeleb lil Cini għal 1-0, skor li bih intemmet l-ewwel taqsima.

L-ewwel ċans fit-tieni taqsima wasal għand Pietà b’Leonardi jipprova xutt mill-bogħod li iżda għadda barra.

Floriana skorjaw it-tieni gowl fis-66 minuta minn azzjoni li bdiet minn żball tal-Hotspurs, b’Kemar Reid jisraq il-ballun u javvanza bih sakemm wasal quddiem Cini, bil-Ġamajkan jagħżel li jaqbeż lill-goalkeeper ta’ Pietà u tefa’ ġewwa f’lasta vojta.

Pietà daħlu lura fil-partita fis-77 minuta permezz ta’ xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa ta’ Ojo Temitope.

Madankollu Floriana għalqu l-partita fid-79 minuta meta kienu mogħtija penalty għal foul fuq l-eks James Scicluna, u mill-11-il mentru kien is-sostitut Andrei Ciolacu li għamel skor finali ta’ 3-1.

Georgi Kitanov megħlub fl-uniku gowl li skorjaw Pietà fil-partita (Ritratt: Josef Fitzpatrick)