Wara li Chris Fearne, fil-Parlament, ikkommetta ruħu li sal-aħħar tas-sena 2022 il-Gvern kien se jestendi s-servizz tal-Constant Glucose Monitors għal persuni sal-età ta’ 35 sena, issa mhux se jżomm kelmtu.
Ftit tal-jiem ilu, il-Ministru Fearne ħabbar li se jestendi s-servizz għal persuni sal-età ta’ 23 sena. Li ma qalx hu li s-servizz diġà qed jingħata sal-età ta’ 21 u allura dan ifisser li se jiġi estiż biss għal numru ferm iżgħar minn dak li wiegħed qabel l-elezzjoni li għaddiet u li kkonferma fil-Parlament fid-9 ta’ Mejju li għadda.
Dan ħareġ fi stqarrija tal-Kelliem għall-Ġlieda kontra d-Dijabete, għal-Libertajiet Ċivili u d-Djalogu Soċjali, Claudette Buttigieg, il-Kelliem għas-Saħħa, Stephen Spiteri, u l-Kelliem għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali, Ian Vassallo f’isem il-Partit Nazzjonalista fejn komplew li filwaqt li hu tajjeb li madwar 40 persuna oħra se jibbenefikaw minn dan is-servizz essenzjali għal min għandu d-dijabete type 1, aktar minn 300 persuna oħra mhux se jibbenefikaw.
Il-Partit Nazzjonalista jiddispjaċih ħafna li l-Gvern ta’ Robert Abela jkompli jippompja l-miljuni f’kuntratti korrotti bħal tal-isptarijiet, iżda ma jsibx il-flus għal servizz essenzjali li jgħin fil-prevenzjoni ta’ kumplikazzjonijiet serji għal persuni bid-dijabete.
Filwaqt li jkompli jappoġġja lil persuni bid-dijabete u lill-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dijabete, il-Partit Nazzjonalista jwiegħed li fix-xhur li ġejjin, se jżid il-ħidma tiegħu favur persuni bid-dijabete f’pajjiżna.
//= $special ?>