Fil-partita għat-tielet u r-raba’ post, il-Marokk u l-Kroazja għalqu l-avventura maġika tagħhom bl-istess logħba li fetħuha, iżda din id-darba l-Kroati ħarġu rebbieħa fil-Khalifa International Stadium bil-gowls kollha jaslu fl-ewwel taqsima. Din hija t-tieni darba li l-Kroazja temmew fit-tielet post fit-Tazza tad-Dinja, bl-ewwel darba tasal fl-ewwel esperjenza tagħhom bħala Kroazja fit-Tazza tad-Dinja fl-1998.
L-ewwel tentattiv perikoluż tal-logħba rriżulta f’gowl wara 7 minuti. Kross perfett ta’ Ivan Perisic sab lid-difensur ċentrali Josko Gvardiol li xeħet ġewwa b’daqqa ta’ ras impekkabli.
Ftit mumenti wara l-Marokk kisbu d-draw minn freekick mogħti minn Hakim Ziyech li ġie devjat u sab lil Achraf Dari li ma żbaljax biex għeleb lil Livakovic minn ftit metri l’ bogħod.
Il-Kroazja għal darb’oħra perikolużi fit-23 minuta meta Luka Modric qabeż tajjeb lil Amrabat u ttanta xortih minn barra l-kaxxa iżda Bono rnexxielu jbiegħed il-periklu.
Kontra x-xejra tal-logħob, En-Nesyri mar viċin li jiskorja meta minn kross ta’ Sabiri ttanta xortih b’daqqa ta’ ras, iżda l-konklużjoni tal-attakkant ma kienetx preċiża.
Il-Kroati marru fil-vantaġġ ftit minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ gowl stupend ta‘ Mislav Orsic li sab ix-xibka b’xutt mix-xellug u mqiegħed fir-rokna ta’ fuq.
Il-gowl ta’ Orsic ta spinta lil-Kroati qabel tmiem l-ewwel taqsima u b’hekk il-Kroati daħlu għal mistrieħ b’rashom mogħlija u b’vantaġġ ta’ gowl.
Il-Kroazja fetħu t-tieni taqsima b’tentattiv ieħor ta’ Orsic, din id-darba l-konklużjoni marret barra.
L-andament tal-logħba ħadet xejra oħra hekk kif il-Kroati żammu lura fit-tieni taqsima u żammew il-pusseas sakemm sabu l-mument opportun biex jattakkaw.
Ċans tajjeb għall-Kroazja fis-70 minuta meta Nikola Vlasic prova jikkonkludi minn barra l-kaxxa, pero l-attakkant ta’ Torino ma rnexxielux issib ix-xibka.
Il-Marokk marru viċin li jiksbu d-draw fil-75 minuta meta En-Nesyri sab ruħu wiċċ imb’wiċċ ma’ Livakovic minn pass Ziyech, iżda għall-darb’ oħra l-goalkeeper salva tajjeb.
Il-Kroazja kważi rrdjupjaw l-iskor permezz ta’ Kovacic wara ġirja tajba tal-midfielder ta’ Chelsea fejn sab ruħu fil-kaxxa, madankollu l-konklużjoni ma kienetx tajba biżżejjed
Minkejja l-isforzi, l-Marokk ma’ rnexxielhomx jiksbu d-draw, madankollu jistgħu jmorru lura lejn pajjiżhom b’rashom mogħlija wara prestazzjoni impressjonanti f’din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja.
//= $special ?>