Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Il-Kroazja u l-Marokk ifittxu li jtemmu fuq nota tajba

(Ritratt: EPA)

Play-Off 3 / 4  post 

16:00 – Kroazja v Marokk 

Hekk kif resqin lejn tmiem edizzjoni oħra tat-Tazza tad-Dinja, qabel il-finali, illum fil-Khalifa International Stadium tinlagħab il-partita għat-tielet u r-raba’ post bejn il-Kroazja u l-Marokk.

Il-Marokk se jkunu qed jittamaw li jagħlqu din l-avventura speċjali li kellhom b’rebħa fuq il-Kroazja biex b’hekk itemmu din il-kompetizzjoni fl-iżjed pożizzjoni għolja fl-istorja tagħhom, kif ukoll fl-istorja tal-pajjiżi Afrikani.

Din il-partita mistennija toffri żewġ timijiet li urew determinazzjoni u grinta matul il-kompetizzjoni kollha, u mistenni ukoll li naraw logħba intesiva.

Iż-żewġ nazzjonijiet għelbu ġganti tal-futbol internazzjonali sabiex waslu s’hawn, u jkun x’ikun ir-riżultat, iż-żewġ skwadri jistgħu jirritornaw lura lejn pajjiżhim b’rashom mogħlija fejn bal dubju se jkunu qed jiġu milqugħa bl-aħjar mod possibli mill-partitarji tagħhom.

Ironikament, din mhux l-ewwel darba li ż-żewġ nazzjonijiet se jaffrontaw lil xulxin f’din l-edizzjoni, hekk kif diġa’ ltaqgħu fl-ewwel logħba tal-fażi ta’ Grupp F, bil-konfront jispiċċa fi draw ta’ mingħajr gowls. Eventwalment, il-Marokk temmew fl-ewwel post fi Grupp F wara rebħiet impressjonanti fuq il-Belġju u l-Kanada. Sussegwentament, il-Kroazja temmet fit-tieni post wara li kisbet draw mistħoq mal-Belġju u tlett punti faċli kontra l-Kanada.

Minbarra l-unur li tispiċċa fit-tielet post, din il-partita tfisser ukoll li n-nazzjon li jirbaħ jieħu 27 miljun dollaru u għalhekk dan jgħin biex din il-partita tittieħed bis-serjetà.