Il-Partit Nazzjonalista jinsab infurmat b’ittri mibgħuta lill-ħaddiema tas-Sigurtà li huma impjegati ma’ kumpaniji terzi u li jipprovdu servizz fir-Residenza San Vinċenz de Paul kif ukoll fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni, li kienu infurmati li se jkunu qed ibiddlu min iħaddimhom matul l-aħħar ġimgħat ta’ din is-sena u l-bidu tas-sena d-dieħla rispettivament.
Il-Partit Nazzjonalista tkellem ma’ numru minn dawn il-ħaddiema, li jinsabu mħassba ħafna dwar il-futur tagħhom.
Il-liġijiet tat-trasferiment tan-negozju huma ċari ħafna u l-Gvern għandu r-responsabbiltà u d-dover li jiżgura li dawn ikunu segwiti. Fosthom li l-ebda ħaddiem ma jitlef l-impjieg tiegħu/tagħha, li ma jkun hemm l-ebda telf fil-paga jew fil-kundizzjonijiet tax-xogħol mogħtija minn min iħaddem preċedenti u li l-ebda ħaddiem ma jitlef is-seniority li kellhom mal-kumpanija preċedenti. Dan ħareġ fi stqarrija tal-Kelliem għax-Xogħol u s-Settur Marittimu, Ivan Castillo.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed isegwi dawn il-bidliet biex jassigura governanza tajba u li tkun segwita l-liġi li tipproteġi lill-ħaddiema. Il-Partit Nazzjonalista mhux se jibqa’ sieket jekk imqar wieħed minn dawn il-ħaddiema jkun trattat b’mod inġust, filwaqt li jara li jinżammu l-kundizzjonijiet tat-tender.
//= $special ?>