Lokali

“Il-President ta’ Malta fid-dmir li jkun il-vuċi tal-kuxjenza” – Avukat Austin Bencini

Il-President ta’ Malta huwa fl-obbligu li jservi ta’ kuxjenza għall-pajjiż, id-dover tiegħu huwa wieħed nazzjonali u mhux li jagħti raġun naħa jew oħra…iżda jekk hawn inkwiet kbir fil-pajjiż irid iservi ta’ vuċi.

Sostna dan l-Espert Kostituzzjonali l-Avukat Austin Bencini waqt il-programm Net Live fejn insista li l-President George Vella  mhux l-ewwel President tar-Repubblika li wera t-tħassib tiegħu jekk il-Parlament Malti jiprova jgħaddi liġi li ddaħħal l-abort f’pajjiżna.

Għaldaqstant, Austin Bencini insista li allaħares il-President George Vella ma tkellimx b’dak il-mod li tkellem bih f’Jum ir-Repubblika.

Bencini sostna li bħala President, George Vella għandu jitkellem dwar affarijiet soċjali, id-drittijiet tal-bniedem u dwar kull liġi li tmur kontrihom.

L-Avukat Bencini stqarr li l-President George Vella huwa bla dubju inkwetat bil-frida mhux neċessarja li nħolqot b’dan l-abbozz ta’ liġi; emenda li suppost kellha tagħmel l-affarijiet ċari, iżda minflok kompliet tħawwad l-imħuħ.

Huwa tenna li l-President ta’ Malta ma jistax hu jkun kompliċi f’xi ħaġa li jħoss li qed tmur kontra l-kostituzzjoni u kontra l-valuri li l-Maltin u l-Għawdxin jgħożżu lkoll.

Intant, it-Tnejn li ġej, id-Deputati Parlamentari mistennija jieħdu vot fuq it-tieni qari ta’ din l-emenda proposta mill-Prim Ministru Robert Abela – emenda li minkejja l-appelli ta’ diversi esperti mediċi, legali, akkademiċi u saħansitra Presidenti Emeriti ta’ Malta….xorta waħda jidher li Abela jinsab stinat li jibqa’ għaddej biha.