Lokali

L-IMO b’deċiżjoni biex il-vapuri jbaħħru fil-Baħar Mediterran b’fuels iktar nodfa

L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) il-Ġimgħa adottat formalment proposta biex il-Baħar Mediterran jiġi ddikjarat bħala Sulphur Emission Control Area (SECA). Id-dħul fis-seħħ ta’ din il-miżura kontra t-tniġġis ifisser li l-vapuri kollha li jkunu għaddejjin mill-Baħar Mediterran se jkunu obbligati jużaw fuels aktar nodfa b’kontenut inqas ta’ kubrit biex inaqqsu l-emissjonijiet tossiċi tagħhom.

BirdLife Malta flimkien ma’ numru ta’ imsieħba kienu qed jagħmlu pressjoni għal din il-miżura, li hija l-ewwel pass lejn tbaħħir aktar nadif fil-Mediterran. Is-SECA fil-Mediterran se tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Mejju 2025.

Il-kontrol tat-tniġġis tal-arja u l-ħarsien tal-ambjent għandhom rwol speċjali fil-Baħar Mediterran, li huwa wieħed mill-aktar ibħra miżgħudin bl-attività marittima fid-dinja. Id-deċiżjoni tal-IMO li tistabbilixxi Sulphur Emission Control
Area fil-Mediterran hija pass kruċjali u ferm mistenni lejn arja aktar nadifa fir-reġjun kollu kemm hu.

It-tniġġis tal-arja mill-industrija tat-tbaħħir jikkontribwixxi għal madwar 40% tat-tniġġis kollu fl-ibliet mal-kosta tal-Mediterran, u jikkawża danni sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem, l-ambjent u l-klima. Għaldaqstant, BirdLife Malta tilqa’ b’sodisfazzjon il-bidla lejn fuels aktar nodfa għall-bastimenti li għandha twassal għal kwalità tal-arja aħjar għan-nies li jgħixu f’Malta u għall-150 miljun persuna residenti madwar il-Mediterran.