“L-Istat falla fil-konfront ta’ din il-vittma”.
Hekk sostna l-Ministru tal-Ġustizzja Jonthan Attard fil-konfront ta’ dak li seħħ lil Bernice Cassar; l-omm ta’ żewġt itfal li inqatlet kiesaħ u biered permezz ta’ żewġ tiri sparati fid-dawl tax-xemx … minkejja d-diversi rapporti li kienet għamlet b’rabta ma’ vjolenza domestika.
Mistieden waqt il-programm radjufoniku tal-Professur Andrew Azzopardi, Jonathan Attard prova jiddefendi stqarrija konġunta li saret bejnu u bejn il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri fejn intqal li ġiet appuntata inkjesta sabiex tistabilixxi JEKK l-affarijiet setgħux saru aħjar f’dan il-każ ta’ Bernice Cassar…b’Andrew Azzopardi jisħaq li dan mhux diskors li għandu jingħad.
Il-Ministru ammetta li l-Istat huwa responsabbli ta’ dak li seħħ… filwaqt li stqarr li setgħu saru ħafna aktar affarijiet b’rabta ma’ każi ta’ vjolenza domestika.
Mistoqsi fuq 103fm x’inhi l-istrateġija tal-Gvern b’rabta mas-settur tal-Ġustizzja Jonathan Attard stqarr li r-riżorsi umani huma sfida kbira, partikolarment għax ma jistax iħaddem nies barranin…filwaqt li qal li għadu qed jara għalfejn il-Qrati mhux qed jiġbdu biżżejjed ħaddiema lejhom.
Filwaqt li sostna li preżentament f’pajjiżna għandna mal-mitt ġuri pendenti, mistoqsi dwar l-istqarrija li għamel l-avukat Franco Debono fejn iddeskriva is-Segretarju Permanenti ta’ Attard, Johann Galea bħala inkompetenti u arroganti, l-Ministru ddefenda lil Galea u attakka lil Debono minħabba din il-kritika.
B’rabta mal-emenda tal-liġi tat-terminazzjoni tat-tqala, deskritta minn diversi esperti mediċi, legali u akkademiċi varji bħala liġi li se ddaħħal l-abort mill-bieb ta’ wara – Jonthan Attard insista li ma jaqbilx ma’ dawk li qed jgħidu li din hija liġi tal-abort.
//= $special ?>