Lokali

Protesta kontra riħa insapportabbli ta’ ħut f’Birżebbuġa

Bosta residenti u ħaddiema ta’ Birżebbuġa ħarġu jipprotestaw kontra riħa insapportabbli ta’ ħut li qed taħkem ir-raħal tagħhom, u li qed tnaqqsilhom l-kwalità ta’ ħajja mistħoqq lilhom.

Ir-residenti f’Birżebbuġa u f’Bengħajsa, il-ħaddiema f’Ħal Far u l-bdiewa fl-inħawi ta’ Ħal Far u Bengħajsa għadhom qed ibatu minn irwejjaħ insapportabbli li bdew minn mindu beda jopera l-impjant tal-ipproċessar tal-ħut fiz-Żona Industrijali ta’ Ħal Far.

NetNews tkellem mar-residenti, li urew biċ-ċar li  mweġġgħin b’dak li qed jesperjenzaw u stqarru li huma mhux residenti tat-tieni klassi.

Ir-residenti esprimew il-fatt li din is-sitwazzjoni taffetwalhom l-kwalità tal-ħajja tagħhom, għaliex kellhom ibiddlu r-rutina ta’ kuljum. Huma stqarru ma’ NetNews li saħansitra lanqas jistgħu jieħdu nifs komdu kif suppost, jew joħorġu jimxu fl-inħawi.

U li issa, wara li sfaw fgati bis-sitwazzjoni fir-raħal, imiss lilhom jifgaw lill-awtoritajiet ikkonċernati bl-ilmenti tagħhom sabiex l-operat ta’ din il-fabrika jitwaqqaf sakemm isiru l-bidliet meħtieġa.

Waqt il-protesta tkellmu diversi kelliema, fosthom, Conrad Damato, is-Segretarju tal-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa, studenta tal-Università ta’ Malta, rappreżentant tal-għaqda Moviment Graffiti u bosta residenti. Fejn esprimew id-diżappunt tagħhom fl-awtoritajiet Maltin, li jafu bil-problema li nħolqot iżda jiddeċiedu li xorta ma jagħmlu xejn dwarha.

Ir-residenti urew biċ-ċar li urtati bit-tmexxija tal-Kunsill fejn saħansitra anke jinstemgħu jilmentaw waqt id-diskors tas-Sindku Laburist, Scott Camilleri. Fejn avolja wiegħed li qed isiru diskussjonijiet mal-awtoritajiet, u mar-residenti stess, is-sitwazzjoni baqgħet kif inhi.

Preżenti fost l-oħrajn kien hemm id-deputati tal-Partit Nazzjonalista, Stanley Zammit u Toni Bezzina, kif ukoll l-kunsillier Johann Borg.