Futbol Sport

Valletta jġibu fix-xejn lil Hibernians

(Josef Fitzpatrick)

Rowen Camilleri

HIBERNIANS………….0

VALLETTA……………….4

Hibernians: J. Haber, K. Shaw, G. Llerena, T. Aldama, J. Grech, J. Morillas, J. Degabriele, B. Kristensen, (D. Vella 75’), J. Zerafa (O. Muritala 67’), A. Diakite, R. Soares (Z. Grech 67’)

Valletta: A. Guarnone, E. Ruiz, J. Borg, A. Zammit (L. Cremona 81’), S. Dimech (P. Ohaka 90’), E. P. Beltre, B. Paiber, N. Nnomo, J. Willy, F. Cheversan, K. Bevis

Imwissija: E. P. Beltre 16’, A. Zammit 70’ (V), O. Muritala 69’, Z. Grech 70’, A. Diakite 79’ (H)

Skorja: F. Cheveresan 49’, A. Zammit 61’, N. Nnomo 82’, K. Bevis 90+3′ (V)

Referee: Glen Tonna

Assistenti Referees: Duncan Sultana u Shaun Calleja

BOV Plejer tal-Logħba: Andrea Zammit (Valletta)

Il-Mument Plejer tal-logħba: Brandon Paiber (Valletta)

B’wirja mill-aqwa, Valletta għalqu s-sena b’rebħa meritata ta’ 4-0 fuq Hibernians biex b’hekk telgħu fit-tmien post b’21 punt. Hibernians minn naħa l-oħra tilfu ċ-ċans li jerġgħu jitilgħu fit-tieni post. L-aħjar li marru minn dan ir-riżultat kienu l-leaders Ħamrun Spartans li issa għalqu s-sena b’disa’ punti vantaġġ f’ras il-klassifika.

L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet minn Valletta fit-12-il minuta minn azzjoni mibdija minn Brandon Paiber li għadda ‘l quddiem lejn Kilian Bevis bil-Franċiż jipprova xutt mill-isbaħ u Justin Haber irrisponda b’save mill-aqwa biex dawwar f’korner.

Fis-27 minuta Valletta fuq l-attakk għal darb’oħra u minn kross ta’ Pena Beltre id-daqqa ta’ ras ta’ Cheveresan tgħaddi barra. Minuta wara Cheveresan reġa’ falla ċans tajjeb meta rċieva mingħand Bevis u minn taħt il-lasta tefa’ għoli. Fil-41 minuta Valletta protestaw għal penalty meta Andrea Zammit deher jitwaqqa’ fil-kaxxa, iżda Glen Tonna ħalla l-logħob għaddej.

Hibernians marru viċin fil-41 minuta meta kien Aldama li għadda lejn Degabriele bl-attakkant internazzjonali Malti minn qagħda angolata ra l-konklużżjoni tiegħu tkun miqugħa minn Guarnone. L-ewwel taqsima ntemmet fi draw ta’ mingħajr gowls.

Erba’ minuti mill-bidu tat-tieni taqsima u Valletta marru minn fuq. Kien pass mill-aqwa ta’ Shaun Dimech lejn Flavio Cheveresan li rnexxielu jegħleb in-nasba tal-offside u wara li qabeż lil Justin Haber tefa’ ġewwa f’lasta vojta. Valletta rdoppjaw fil-61 minuta fejn din id-darba kien Paiber li bil-pass tiegħu qata’ d-difiża Pawlista u ġab lil Andrea Zammit wiċċ imb wiċċ ma’ Haber u bil-kalma kollha tefa’ fir-rokna tax-xibka għal 2-0.

Il-Beltin skorjaw it-tielet gowl fit-82 minuta meta Ngong Nnomo seraq ballun minn tliet kwarti ta’ ground u b’veloċità avvanza fil-kaxxa avversarja biex bil-kalma kollha għeleb lil Justin Haber għal skor finali ta’ 3-0.

Valletta kienu għadhom mhux lesti u fil-ħin miżjud saħansitra skorjaw ir-raba’ gowl minn ħarba ta’ Kilian Bevis li malli ġie quddiem Haber għażel li jaqbżu qabel ma’ tefa’ ġewwa għal skor finali ta’ 4-0.