F’għeluq il-62 xahar mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia saret velja oħra fil-Belt Valletta quddiem il-mafkar ta’ Caruana Galizia.
Il-kelliema preżenti waqt il-velja kienu: l-attivista OccupyJustice, Joanna Agius, membru ta’ Repubblika, Vicki Ann Cremona, il-Psikologa, Benna Chase, u l-attivista, Celia Borg Cardona.
“Hemm bżonn li l-korruzzjoni, l-impunità, u l-ħasil ta’ flus, fost kwistjonijiet kbar oħra f’pajjiżna, jieqfu jiġu injorati mill-awtoritajiet konċernati hekk kif dawn qed ikissru lil pajjiżna. F’pajjiż normali ma nitolbux għall-iktar affarijiet li wieħed iqis ovji. Iżda dan mhux pajjiż normali.”
Dan kien il-qofol tal-messaġġi li twasslu mill-kelliema waqt il-vejla. Celia Borg Cardona saħqet li pajjiżna għadda minn żmien diffiċli li qatt ma ħareġ minnu, bil-pajjiż għandu jibda jisma’ dwar Malta li resqet lejn spazji miftuħa, il-bini addattat għan-nies u mhux għall-iżviluppaturi, u n-nisa jħossuhom siguri f’pajjiżhom stes.
Joanna Agius qalet li l-awtoritajiet ma jistgħux jibqgħu jitfgħu kollox taħt it-tapit qisu xejn mhu xejn meta qed naraw persuni jmutu mingħajr ebda azzjoni biex dan jiġi evitat. Meta evalwat is-sitwazzjoni f’pajjiżna, hi qieset li diversi setturi qed jiggravaw filwaqt li pajjiżna tilef kull kontroll sempliċiment għall-kilba tal-ġid.
Fid-diskors tagħha, Vicki Ann Cremona esprimiet ir-rabja tagħha hekk kif ħadd mhu jerfa’ r-responsabbiltà għal dak li qed jiġri, b’referenza diretta lejn il-qtil ta’ Bernice Cassar, bl-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna qed ikomplu jiddgħajfu. Kompliet li pajjiżna qed jara skandlu wara l-ieħor, li iżda dwarhom qatt ma jiġri xejn u kollox jibqa’ miexi bħal qabel.
Minn naħa tagħha, Benna Chase saħqet kif xahar wara xahar, l-ebda azzjoni ma tittieħed biex naraw li ssir ġustizzja għal dawk il-persuni kollha li sfaw vittma tan-nuqqasijiet tal-awtoritajiet. Hi kompliet li hemm bżonn li l-awtoritajiet, minnufih jaġixxu biex ma nibqgħux naraw dawn it-tip ta’ sitwazzjonijiet.
//= $special ?>