“Ta’ spiss niġi mistoqsi għalfejn mort l-Ukrajna mhux darba jew tnejn, imma s’issa tliet darbiet. Hemm diversi raġunijiet, fosthom il-fatt li nqis li din hija l-vokazzjoni tiegħi li nkun ġurnalist li nirrapporta dwar il-gwerer, partikolarment fuq kif kunflitti bħal dawk fl-Ukrajna jolqtu l-ħajja ta’ kuljum tan-nies.
“Hemm ukoll element personali. Sa mill-ewwel darba li mort f’dan il-pajjiż f’Marzu ta’ din is-sena, flimkien mal-kollega u ħabib tiegħi Giuseppe Attard, ħassejtni miġbud lejn dan il-pajjiż u dan il-poplu.”
“Qatt ma kont esperjenzajt sens daqstant b’saħħtu ta’ solidarjetà, ta’ volontarjat u ta’ merħba u apprezzament għax-xogħol tagħna bħala ġurnalisti. Hemmhekk ukoll għamilt ħafna ħbieb li magħhom għaddejt minn esperjenzi li jorbtuk magħhom għal dejjem.”
Hekk beda biex qalli l-kollega ġurnalist Neil Camilleri meta tkellimna fit-tul dwar l-esperjenzi diffiċli tiegħu u tal-kollega Giuseppe Attard fl-Ukrajna fix-xhur li għaddew waqt li qed jirrapporta – b’kuraġġ kbir – dak li qed jiġri hemmhekk fl-isfond ta’ ħafna perikli li jkollu jiffaċċja ta’ kuljum.
Neil Camilleri beda biex qal li fl-Ukrajna rajna xeni li ma ninsew qatt. Xeni ta’ nies maqtula brutalment għall-ebda raġuni ta’ xejn. Rajna l-kruha tal-gwerra, nies maħruqa u mbiċċra, żgħażagħ Russi li probabbilment ma ridux ikunu parti minn dan il-kunflitt u li lanqas jifhmu għalfejn intbagħtu hemm. Tgħallimna dwar kemm il-bniedem jista’ jkun vjolenti u kattiv mal-proxxmu.
Tgħallimna fuq kollox dwar kemm aħna fortunati, kemm in-nies f’dan il-pajjiż għaddejjin minn martirju u kemm nieħdu affarijiet fiċ-ċert.
Affarijiet bħal li toħroġ tiekol u tista’ tibqa’ barra sa iktar tard mill-11pm. Li jkollok l-ilma fil-vit, li tieħu shower bil-misħun, li toħroġ timxi barra mingħajr biża’ li minn ħin għall-ieħor tista’ tinqatel f’attakk bil-missili, li ma tridx tiftakar iġġorr tourniquet miegħek il-ħin kollu. (tourniquet hija apparat mediku bħal ċintorin li jintuża biex jitwaqqaf il-ħruġ tad-demm jekk titlef xi id jew sieq).
Fit-tliet xhur li għamilt naħdem fl-Ukrajna kelli ħafna esperjenzi, uħud minnhom tat-tkexkix. F’Bucha, f’April, rajna nies ċivili li ġew maqtula b’tiri f’rashom mis-suldati Russi. Rajna l-fdalijiet tan-nies wara battalji ħorox fir-reġjun ta’ Kyiv, kif ukoll il-ħsara tal-attakki mill-ajru fuq il-belt kapitali.
Neil Camilleri żied li f’Mejju marru fil-belt ta’ Kharkiv, fil-Lvant tal-pajjiż.
“Qattajna ġimgħa ngħixu f’bażi militari biex naraw kif jgħixu s-suldati. Hemmhekk rajna kif snin twal ta’ gwerra (fil-verità, il-kunflitt ilu għaddej mill-2014) jaffewtta mentalment lil dawn is-suldati. Rajna x’jgħaddu minnu meta qraba jew ħbieb tagħhom jinqatlu fil-ġlied.
Iktar tard, aħna stess ġejna attakkati mill-forzi Russi waqt li konna qed niddokumentaw il-ħidma ta’ voluntieri waqt li kienu qed iwasslu l-għajnuna umanitarja lill-familji fil-villaġġi fil-periferija tal-belt. Fortunatament, u anke grazzi għall-ħiliet tax-xufier li kellna, l-artillerija Russa ma laqtitniex, għalkemm it-tiri niżlu viċin ħafna tal-vettura tagħna.
“Kienet esperjenza kerha ħafna. Dak il-ħin, bil-ġenn u l-adrenalina, ma tantx ikollok ċans tibża’ u l-istint jgħidlek tagħmel minn kollox biex toħroġ minn hemm f’biċċa waħda. Iktar tard dak il-jum kellna ċans nirriflettu sew fuq li kien ġara. Issummajna. Irrealizzajna kemm konna gejna viċin il-mewt. Ma ninsewx, iżda, li aħna għaddejna minn din l-esperjenza darba. Ħafna Ukreni jgħixu din ir-realtà ta’ kuljum.
“F’Awwissu ddeċidejt li nerġa’ mmur l-Ukrajna għal xahrejn. Din id-darba mort biex ngħin diversi għaqdiet volontarji bl-aħjar mod li naf… billi nipproduċilhom ritratti u filmati li mbagħad ikunu jistgħu jużaw biex jiġbru l-fondi u jgħinu lil dawk li huma fil-bżonn.”
Hu qal li flimkien ma’ kollega Ukrena, qatta’ żmien fil-bliet ta’ Mykolaiv u Kharkiv. Marru mal-voluntieri jwasslu ilma tajjeb għax-xorb lil għexieren ta’ nies. Raw kif dawn il-voluntieri nsew ħajjithom biex ikunu jistgħu jgħinu lil ħaddieħor. Il-ġurnata tagħhom iqattugħa jwasslu l-pakketti tal-ikel u tal-mediċini lill-familji u jevakwaw lill-anzjani u lin-nies vulnerabbli miz-zoni fejn hemm il-periklu.
Fiż-żewġt ibliet, il-forzi Russi kienu ftit kilometri ’ l bogħod u l-attakki permezz ta’ missili, rockets u artillerija kienu jseħħu lejl u nhar.
Ma tista’ qatt torqod lejl sħiħ kawża tal-isplużjonijiet u s-sireni. Ilma sħun ma jeżistix għax ir-Russi kissru l-infrastruttura li ssaħħan l-ilma.
In-nies ma tistax tkun barra bejn l-10pm u s-6am. Nies imutu ta’ kuljum. Il-postijiet li kienu jintlaqtlu rari kienu jkunu oġġetti militari. “Rajt attakki fuq sptarijiet, bus stops, universitajiet, kindergartens, ġonna u ħafna iktar.
“F’Kharkiv rajt komunitajiet sħaħ jgħixu taħt l-art; fil-kantini. Ilhom xhur jgħixu hemm, jew għax id-djar tagħhom ġew meqruda jew għax jibżgħu jgħixu fl-appartamenti tagħhom.”
Neil Camilleri spjega li fl-Ukrajna mkien mhuwa sigur.
“F’Mykolaiv żort bus stop fejn tmien persuni nqatlu waqt li kienu qed jistennew il-karozza tal-linja biex imorru għax-xogħol. Bħal f’ħafna każijiet oħra, ir-Russi użaw cluster bombs, li jikkawżaw ħsara kbira.
“Ġewwa villaġġ ċkejken qrib il-fruntiera mar-Russja, fit-Tramuntana ta’ Kharkiv, rajt kif ir-Russi sparaw fuq djar ta’ nies innoċenti. Kien hemm mara anzjana li ndarbet. Ġiet ambulanza biex ittiha l-għajnuna. Kien hawn li r-Russi, li kienu qed jaraw kollox permezz ta’ drones, fetħu n-nar mill-ġdid. Ix-xufier tal-ambulanza nqatel. Xi suldati oħra ndarbu. Il-mara, li spiċċat maqbuda taħt arblu tad-dawl, mietet żvinata.
“Fil-villaġġ ta’ Lotskino intervistajt mara li spiċċat armla wara li r-raġel tagħha Sergii, sumast popolari u maħbub, ġie ttorturat u maqtul matul il-jumejn li truppi Russi għamlu jokkupaw il-villaġġ. Għamlet jumejn tfittxu wara li ġie arrestat. Fl-aħħar sabitu, ġismu mbiċċer u mormi ġo trinka.
“Dawn huma biss ftit mill-istejjer li smajt u rajt b’għajnejja.”
Neil Camilleri ssokta li problema kbira li se taffaċċja l-Ukrajna din ix-xitwa hi li għad hemm ħafna anzjani jgħixu fil-villaġġi fejn mhux se jkollhom enerġija biex isaħħnu djarhom. Dan qed nitkellmu fi żmien fejn it-temperatura taf taqa’ sa għaxar gradi taħt iz-zero.
Bħalissa qed isiru sforzi kbar biex dawn jiġu evakwati lejn il-bliet, imma ħafna minnhom jirrifjutaw li jabbandunaw djarhom. Għall-Ukreni, id-dar hi xi ħaga importanti ħafna. Sfortunatement, hu maħsub li eluf ta’ anzjani jistgħu jmutu bil-kesħa fix-xhur li ġejjin.
“Li jimpressjonani ferm fil-poplu Ukren hu s-sens ta’ għaqda u kuraġġ. Minkejja dan l-infern li qed jgħixu, jibqgħu determinati li jeħilsu lil pajjiżhom mill-għadu, ikun kemm ikun iebes il-prezz li jridu jħallsu.
“Sa mill-ewwel darba li morna, jien u Giuseppe konna impressjonati bis-sens ta’ dover, sagrifiċċju u altruwiżmu tal-poplu Ukren. Kien hemm żmien fejn kien hemm iktar irġiel li rreġistraw biex jidħlu fl-armata milli kien hemm azzarini.
“Ħafna minn dawk li ma setgħux jiġġieldu saru voluntieri. Kieku ma kienx għal nies bħal dawn, li tawna dak kollu li ġejna bżonn bħala ġurnalisti, ma konniex nagħmlu farka minn dak li għamilna. Qatt ma ħassejna daqshekk sens ta’ apprezzament għal xogħolna. Kulħadd kien ħerqan biex jgħinna nwasslu lid-dinja dak li qed jiġri ġewwa pajjiżhom.
“Bħala ġurnalisti nħossu li dan hu d-dmir tagħna, li nwasslu lill-qarreja tagħna l-istampa vera ta’ x’jiġri f’pajjiż mifni mill-gwerra, anke jekk l-istejjer, il-fimati u r-ritratti li nuru jixxukjaw lil xi wħud. Nemmnu li n-nies għandhom bżonn jaraw ir-realtà tal-gwerra u ta’ dak li l-Ukreni qed jgħixu ta’ kuljum. Li jaraw kemm aħna fortunati u kemm l-affarijiet hemm huma ferm agħar milli nistgħu naħsbu.”
Hu qal li kien hemm min ikkritika u qal li morna biex nidhru sbieħ, biex nagħmlu bravura.
“Il-verità hi li mhux kulħadd jista’ jifhem għalfejn nagħmlu dan ix-xogħol u nieħdu dawn ir-riskji. Anke nagħti intervisti bħal din niddejjaq, għax ma rrid lil ħadd jaħseb li rrid xi pubbliċità għalija. L-istorja mhux jien. L-istorja qed tiġri hemm, l-Ukreni jgħixuha ta’ kuljum.
“Ġieli niġu mistoqsija wkoll jekk nibżgħux immorru hemm. Ir-risposta hi, iva, ħafna. Mhux darba jew tnejn ħsibna li mhux ġejjin lura. Imma m’aħna nagħmlu xejn ta’ barra minn hawn. Bħalna, hemm ħafna ġurnalisti li qed jirrappurtaw dwar il-gwerra fl-Ukrajna u f’ħafna postijiet oħra.
“Aħna nħossu biss li rridu nagħmlu l-parti tagħna. Inħossu li iktar ma nesponu t-tbatijiet tan-nies fil-gwerer, forsi jikber iċ-ċans li l-komunità internazzjonali tagħmel xi ħaġa biex iġġib il-paċi,” temm Neil Camilleri.
//= $special ?>