Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Il-President tar-Russja f’laqgħa sabiex jiddiskuti l-fażi l-ġdida tal-gwerra

Matul il-jum tas-Sibt il-President tar-Russja Vladimir Putin kellu laqgħa mal-kapijiet militari propju fl-istess ġurnata meta komplew l-attakki bil-missili fuq l-infrastruttura tal-Ukrajna.

Matul din il-laqgħa Putin kien qed jiddiskuti pjanijiet għal fażi l-ġdida ta’ din il-gwerra hekk kif kmieni din il-ġimgħa ġie rrapurtat li fil-bidu tas-sena d-dieħla r-Russja se tkompli bl-attakki tagħha fuq l-Ukrajna.

Filmati juru li matul din il-laqgħa kien hemm preżenti il-Ministru tad-Difiża Sergei Shoigu, l-Mexxej tal-Forzi Armati Valeriy kif ukoll il-Ġenerali tal-Forzi Armati Sergei Surovikin.

Minn naħa l-oħra l-Ukrajna għamlet progess kbir fl-aħħar xhur hekk kif irnexxielhom jerġgħu jieħdu lura l-kontroll ta’ Kherson li hija l-akbar belt li kien irnexxielhom jakkistaw ir-Russi fil-bidu ta’ din il-Gwerra.

Il-Kmandant tal-militari Ukrena wissa li l-qawwiet tar-Russja għandhom 200,000 truppi ppreparati għal dan l-attakk kif ukoll qal li m’għandux dubju li r-Russja se tkompli tattakka l-belt kapital tal-Ukrajna.

Intant, il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky ħabbar li l-provista tad-dawl irritornat għal sitt miljun persuna wara l-aħħar attakki mmirati lejn l-infrasstrutturi tal-enerġija.