Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Ma jaħsbux li r-Russja fadlilha l-kapaċità militari għal offensiva kbira oħra fuq Kiev

Rescue workers survey the scene of a Russian attack on Kyiv, Ukraine on Monday, Oct. 10, 2022. Two explosions rocked Kyiv early Monday following months of relative calm in the Ukrainian capital. (AP Photo/Adam Schreck)

L-Istati Uniti qed tiddubita kemm ir-Russja fadlilha kapaċità militari biex twettaq offensiva ġdida fuq Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna. U waqt li l-ogħla tmexxija tal-Armata Ukrena qed tistenna mewġa ġdida ta’ attakki fuq Kiev matul il-ġimgħat li ġejjin, il-kelliem għall-White House Amerikan, John Kirby, saħaq li s-servizzi sigrieti ta’ pajjiżu mhuma jaraw l-ebda indikazzjoni li l-qawwiet Russi qed jippreparaw azzjoni ‘imminenti’ fuq skala hekk kbira.

L-Armata tar-Russja fl-aħħar ġimgħat sofriet numru ta’ telfiet umiljanti fuq il-kamp tal-battalja – bl-akbar umiljazzjoni tkun l-irtirar mill-belt ewlenija ta’ Kherson li kienet waqgħet lir-Russi fl-ewwel jiem tal-invażjoni tal-Ukrajna.

U skont is-sorsi tad-difiża Amerikani, ir-Russja, illum, qed ikollha tuża l-munizzjon ta’ għexieren ta’ snin ilu biex issostni din il-gwerra u meta l-munizzjon inkwistjoni għandu rata għolja ħafna ta’ fallimenti.

L-Armata Russa anki qed jonqsulha l-provvisti għall-kampanja militari attwali, bl-analisti Amerikani josservaw li r-Russi jistgħu jispiċċawlhom il-munizzjon effettiv sal-ewwel xhur tas-sena d-dieħla minħabba l-isparar kontinwu tal-missili u r-rokits lejn l-ibliet tal-Ukrajna…Bumbardamenti li ma qatgħu xejn fl-aħħar ġimgħat bħala parti mill-istrateġija ta’ Moska biex teqred l-infrastruttura meħtieġa għaċ-ċivili Ukreni.

Sadanittant, il-Kmandant tal-militar Ukren, il-Ġeneral Valerii Zaluzhnyi, wissa li t-truppi tal-President Russu Vladimir Putin jistgħu jippruvaw iwettqu attakk kbir ieħor fuq Kiev fil-bidu tal-2023 u li Moska ‘qed tħejji lil xi 200.000 truppi għall-azzjoni’.

Il-Ġeneral indika li l-attakk kapaċi jibda mill-art tal-Belarus li jaqsam fruntiera mal-Ukrajna u li l-azzjoni tista’ tkun simili għal dik ta’ Frar; meta s-suldati Russi bdew javvanzaw fuq Kiev wara li qasmu mill-Belarus lejn l-artijiet Ukreni.

Filwaqt li l-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko, ċaħad kemm-il darba li l-qawwiet tiegħu jistgħu jissieħbu fl-invażjoni tal-Ukrajna fuq in-naħa tar-Russi, huwa minnu li eluf ta’ truppi Russi, fil-preżent, qegħdin jingħataw taħriġ intensiv fil-kumbattimenti f’xi reġjuni tal-Belarus. Intant, il-President Putin, għada t-Tnejn, għadu laqgħa programmata ma’ Lukashenko fil-kapitali Belarussa ta’ Minsk.

Fi tmiem il-ġimgħa, Vladimir Putin kellu laqgħa fit-tul mal-Kapijiet militari tiegħu fil-kwartieri tal-hekk-imsejħa ‘operazzjoni militari speċjali’ u fejn huma ddiskutew il-passi li jmiss min-naħa tar-Russja. Dan wara li l-attakki fuq il-faċilitajiet tad-dawl fl-Ukrajna ħallew miljuni ta’ Ukreni mingħajr dawl u mezzi biex isaħħnu djarhom f’dawn il-jiem iddominati mix-xitwa qalila.

Madankollu, il-qawwiet tar-Russja għadhom taħt pressjoni kbira biex iwieġbu għall-aħħar disfatti militari, bil-kollass tal-Armata ta’ Putin fil-lvant tal-Ukrajna, aktar kmieni fis-sena, iqanqal kritika sinifikanti mingħand l-analisti f’Moska li għadhom isostnu l-politika tal-Kremlin.