Lokali

Aġġornata: Il-Pulizija tintervjeni wara argument f’Birkirkara

Żewġt irġiel spiċċaw isofri minn xi ġrieħi wara argument li nqala’ bejniethom f’nofs ta’ triq hekk kif dawn kienu se jaħbtu il-Ħadd filgħaxija.

L-argument seħħ għall-ħabta tas-7.30pm fi Triq Ħal Qormi f’Birkirkara fejn dawk li tkelmu ma’ Net News qalu magħna li kollox beda meta ż-żewġt irġiel ħarġu mill-karozzi tagħhom. Jidher li l-ġlieda eskalat tant li ntużat injama.

Fil-post issejħet l-assistenza tal-Pulizija fejn mill-ewwel investigazzjoni rriżulta li l-irġiel involuti kienu sewwieq ta’ 35 sena minn Ħal Għaxaq u sewwieq ieħor ta’ 71 sena minn Birkirkara.

Fil-post issejjaħ ukoll tim mediku li wara li taw l-ewwel għajnuna, l-anzjan ittieħed l-Isptar Mater Dei għal iktar kura filwaqt li r-raġel l-ieħor ittieħed fl-eqreb polyclinic fejn ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi ħfief. Il-kundizzjoni tal-anzjan għadha pendenti.

Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha.