Jismu Abubaker, Senegaliż ta’ 41 sena. Segwa l-partiti tat-Tazza tad-Dinja b’assidwità kbira hekk kif it-tim ta’ pajjiżu qata’ figura tajba u kellhom ikunu l-Ingilterra li eliminawh.
“Kienu aħjar minna u rebħulna. Fil-futbol jgħoddu biss il-goals. Min jirnexxilu jsib ix-xibka l-aktar,” beda biex qalli Abubaker u minn hemm bdiet il-konversazzjoni tagħna dwar kif aktar minn għoxrin sena ilu s-sitwazzjoni tal-gwerra ċivili fis-Senegal kienet laħqet livelli mill-aktar kattivi u ħorox u allura hu, b’sogri kbar għal ħajtu, iddeċieda li jipprova jaħrab mill-pajjiż.
Kien jaf li din il-ħarba ma kenitx xi missjoni faċli jew xi kapriċċ. Imma biss mira biex jew isalva ħajtu – anki jekk kien se jinqata’ mill-maħbuba familja tiegħu – jew inkella jispiċċa jgħix fit-tbatijiet li l-kunflitti ħorox u mdemmija interni kienu se jġibu magħhom.
Kien għad kellu anqas minn għoxrin sena meta kien ħa din id-deċiżjoni kuraġġjuża li jħalli art twelidu u jibda jersaq lejn xi destinazzjoni Ewropea biex jibda ħajja ġdida fiha. U kien jaf ukoll li l-vjaġġ li kellu jagħmel kien kollu perikli u diffikultajiet li, fl-aħħar mill-aħħar, anqas biss kien jaf jekk kellux jirnexxi jew le.
Imma Abubaker kellu konvinzjoni kbira li jidħol għal din l-isfida qalbenija u l-ewwel li fittex kien li jaqsam il-fruntiera lejn il-Mali.
Hawnhekk Abubaker irrakkontali l-mumenti mill-aktar kommoventi li għadda minnhom biex inqata’ mill-ġenituri tiegħu u minn ħutu. Kien jaf li probabbilment dik id-deċiżjoni li jaħrab mill-pajjiż kienet tfisser ukoll li qatt u qatt aktar ma kien se jerġa’ xi darba jiltaqa’ mal-għeżeż tiegħu… man-nanniet, mal-ġenituri u ma’ ħutu. Mhux biss… imma anki mal-ħbieb tiegħu u maż-żgħażagħ tamparu li magħhom kien trabba u li magħhom kien imur l-iskola u jilgħab il-ballun.
Kellha tkun firda mill-aktar kiefra li tirrifletti persuna mill-aktar kuraġġjuża. Firda mimlija sfidi u taqtigħ ta’ qalb għaliex allura probabbilment li anki l-komunikazzjoni mal-għeżeż tiegħu kienet se tispiċċa tgħib fix-xejn.
Imma Abubaker – bravu fl-iskola u jeċċella f’numru ta’ lingwi, fosthom fl-Għarbi, fil-Franċiż, fl-Ingliż u f’lingwi oħrajn bażati fuq id-djalett Afrikan – kien deċiż li jimxi ’l quddiem b’ħajtu.
L-ewwel tappa tiegħu kienet li jegħleb it-theddid li seta’ jiffaċċja f’pajjiżu kemm-il darba jinqabad. Iżda b’xi mod irnexxielu jidħol fil-Mali u l-prinċipju li beda jadotta Abubaker kien li kull fejn ikun jaħdem u jaqla’ l-flus biex hekk ikollu biżżejjed flus ħalli jkun jista’ jivvjaġġa u jterraq minn destinazzjoni għall-oħra.
Wara perjodu fil-Mali, il-pass li kien imiss għal Abubaker kien li jivvjaġġa lejn in-Niġer u anki hawnhekk kellu vjaġġ impenjattiv li iżda rnexxielu jagħmlu fejn daħal fin-Niġer, beda jaħdem, beda jaqla’ xi ħaġa tal-flus u eventwalment kellu flus biżżejjed biex jidħol fil-Libja li kienet għadha taħt it-tmexxija tad-Dittatur Muhammar Al-Qaddafi.
Anki fil-Libja ħadem u stinka biex jaqla’ l-flus u hemmhekk beda jfassal il-pjani tiegħu li fl-okkażjoni propizja jterraq lejn xi pajjiż ġar fil-Mediterran… ċioè xi mkien fin-naħa ta’ isfel tal-Ewropa.
Fi ftit tal-kliem mil-Libja spiċċa f’Malta u waqt li flimkien ma’ diversi immigranti oħra beda jkun identifikat mill-Awtoritajiet Maltin, irriżulta li hu seta’ jgħin lill-istess Awtoritajiet fir-rigward tat-traduzzjonijiet ta’ immigranti ġejjin minn diversi destinazzjonijiet.
Abubaker qalilna li l-Awtoritajiet Maltin apprezzaw l-għajnuna tiegħu f’dan ir-rigward tant li kull darba li kien ikollhom bżonn ta’ xi traduttur ta’ lingwi Afrikani għal dik Ewropea – sia lejn l-Ingliż u anki lejn il-Franċiż – sabuh u hu qdihom bil-qalb kollha.
Fil-fatt, issokta Abubaker, hu spċċa assenjat mat-tabib Malti li kien jieħu ħsieb lill-immigranti. Kien jagħmilha ta’ traduttur. Eventwalment u fi ftit taż-żmien l-isem ‘Abubaker’ spiċċa jkun imfittex anki minn entitajiet oħrajn tal-Gvern Malti li bdew jużaw lil dan is-Senegaliż għal skop ta’ traduzzjonijiet. Saħansitra anki l-Kummissjoni Maltija għar-Refuġjati bdiet tużah għat-traduzzjonijiet li hu kien jagħmel b’kapaċità u b’ħila.
Sadattant xokk kbir fil-ħajja tiegħu ħadu hekk kif kien mgħarraf li missieru u ommu kienu mietu. Dak għalih kien xokk kbir ħafna li ħasdu.
Sadattant iż-żmien f’Malta kompla għaddej u Abubaker kien kuntent ħafna bix-xogħol li kien qiegħed jagħmel, kemm għaliex kien qiegħed jaqla’ xi ħaġa tal-flus, imma anki għaliex kien qiegħed jagħti s-sehem tiegħu kemm lill-Awtoritajiet Maltin imma anki lir-refuġjati u lill-immigranti.
Jirrakkonta b’diqa kbira kif persuni fl-Awtorità Maltija kienu ħeġġewh biex jirregolarizza l-pożizzjoni tiegħu u japplika għaċ-ċittadinanza Maltija. Hu kien ħa dan il-parir u hekk skatta dan il-proċess quddiem l-awtoritajiet konċernati.
“Beda għaddej iż-żmien u kont nistaqsi fiex kienet waslet l-applikazzjoni tiegħi. Kienu jgħiduli li kelli kollox f’postu anki għaliex kont ġibt minn barra d-dokumenti kollha li kienu talbuni. Kienu jgħiduli wkoll li dawn kienu affarijiet li jieħdu l-ħin. Dan kollu kont nifhmu u kont nistenna bil-ħerqa dak il-mument meta xi darba se jibagħtu għalija biex nieħu ċ-ċittadinanza Maltija,” spjega Abubaker.
Hu kompla li darba minnhom hu mar fl-uffiċċju ta’ aġenzija partikulari biex jistaqsi dwar fiex kien wasal il-proċess tal-applikazzjoni tiegħu. “Dakinhar ħadt ix-xokk ta’ ħajti… meta ġabu l-fajl tiegħi kienu qalulu li l-karti u d-dokumenti kollha li jien kont ġibt minn barra… kienu għebu! U allura ridt nerġa’ napplika mill-ġdid biex il-proċess jerġa’ jibda mill-bidu nett!”
Abubaker qal li dakinhar kien ħassu ħażin ħafna għaliex kien irrealizza li xi ħadd kien daħak bih. Anzi xi ħadd kien seraq id-dokumenti kollha tiegħu – li kien tħabat tant biex ġabhom minn pajjiżu – sempliċiment biex jagħmillu l-ħsara.
Iżda hu patta lura billi applika mill-ġdid u billi kompla jaqdi lill-Istat Malti billi jagħmel it-traduzzjonijiet għall-Ingliż jew il-Franċiż minn lingwi varji Afrikani.
Tul is-snin li għaddew kompla jaħdem u jistinka u issa ilu joqgħod f’Malta għal dawn l-aħħar għoxrin sena. Jitkellem tajjeb ħafna bil-Malti u għandu wkoll għarusa Maltija li tgħidx kemm hu kburi biha. Iħobb ħafna lil Malta u lil Maltin u llum il-ġurnata jqis lil Malta bħala d-dar tiegħu.
Naturalment fi żminijiet bħal dawn tas-sena jimmissja ħafna wkoll lill-familja tiegħu… jew x’fadal mill-familja tiegħu. Jimmissja wkoll lil pajjiżu, iżda jargumenta li l-ħajja trid tkompli u darba qiegħed hawn Malta, allura jrid jagħmel dak kollu korrett mistenni minnu.
Abubaker itemm jgħid li hu jiddispjaċih meta jisma’ diskorsi bażati fuq razziżmu u fuq nuqqas ta’ informazzjoni. “Nassigurak li kull immigrant li jaħrab lejn l-Ewropa ma jkunx qed jagħmel dan b’kapriċċ. Mhux faċli li tiddeċiedi li tħalli kollox warajk u titlaq. Titlaq biex tiffaċċja ħafna perikli int u taqsam lejn l-Ewropa. Lejn l-Ewropa fejn anqas biss tkun taf ma xiex se tiltaqa’. Mal-perikli. Ma’ kriminali li moħħhom ikun biss biex jisirqulek ix-xejn li jkollok. Il-kriminali li jwegħduk vjaġġ bil-baħar lejn xi mkien fl-Ewropa u mbagħad iħalluk f’xi port ieħor fl-Afrika stess! U allura tkun ħallast kollox għalxejn.
“Tajjeb li ħadd ma jinsa li aħna ma nkunu qatt qabel rajna l-baħar. Aħseb u ara kemm inkunu nafu ngħumu. U mbagħad naqsmu fil-maltemp. U kemm opri tal-baħar għerqu bl-immigranti abbord u b’kollox! U l-ħolma tagħhom tispiċċa fil-qiegħ tal-baħar! Kull immigrant għandu l-istorja tiegħu,” qalilna Abubaker bid-dmugħ f’għajnejh.
Hu spiċċa jawgura lill-Maltin kollha l-isbaħ festi. Festi mal-familja għaliex dak hu l-isbaħ Milied. Hu, issa, għandu familja ġdida. Familja Maltija li jħobb ħafna. Familja Maltija li tħobbu wkoll ħafna.
//= $special ?>