Il-Koalizzjoni ewlenija fl-Oppożizjoni insistiet għar-riżenja ta’ Kais Saied minn President tat-Tuneżija wara li anqas minn 9 fil-mija tal-votanti eliġibbli ħadu sehem fl-elezzjonijiet parlamentari. Intant, Nejib Chebbi, li jmexxi lill-Front Nazzjonali għas-Salvazzjoni, fisser l-elezzjonijiet bħala ‘fjask kbir’ u sejjaħ biex it-Tuneżini jipprotestaw bħala massa għal elezzjonijiet presidenzjali bikrija.
Il-maġġoranza tal-partiti fl-Oppożizzjoni bojkottjaw il-vot fost akkużi li Saied ‘dawwar lura’ il-progress demokratiku li kien ilu mill-2011 fil-pajjiż u bil-President jiċħad li dan hu minnu.
Intant, jibqa’ il-fatt li Saied, f’Lulju tal-2021, kien spiċċa jkeċċi lill-Prim Ministru tiegħu fost id-deċiżjoni biex jissospendi lill-Parlament ta’ Tunis. Dan qabel hu għadda l-kostituzzjoni attwali li tippermetti għal sistema ta’ tmexxija minn persuna waħda – u bil-vot ukoll jirriżulta f’bojkott mill-partiti fl-Oppożizzjoni.
Il-Kostituzzjoni ġdida ħadet post il-kostituzzjoni li kienet tfasslet ftit wara r-Rebbiegħa Għarbija tal-2011 u li fiha kien tkeċċa d-dittatur Zine al-Abidine Ben Ali. Din il-Kostituzzjoni tagħti l-kontroll eżekuttiv sħiħ lill-Kap tal-Istat minbarra l-kmand assolut tal-Armata – b’Saied għadu jinsisti li dawn il-poteri huma neċessarji għall-eliminazzjoni tal-paraliżi politika, il-korruzzjoni u l-istaġnar ekonomiku fit-Tuneżija.
//= $special ?>

