Lokali

Jittella’ kunċert tal-Milied bit-tema tkun dik ta’ favur il-ħajja

Is-Sibt kmieni waranofsinhar, ingħata bidu għall-kunċert-maratona tal-Milied imtella’ minn Fondazzjoni U bit-tema favur il-ħajja.

Din l-attività ixxandret kemm fuq ix-Xejk kif ukoll fuq Net Television.

Din is-sena, il-flus li nġabru tul dan il-kunċert marru b’risq in-Network Support Foundation – fondazzjoni li fil-missjoni tagħha sservi bħala ċentru ta’ sapport billi toffri sostenn b’mod prattiku u b’kompassjoni lil tfajliet, nisa, u familji li jkunu qed jaffaċċjaw tqala, dijanjosi prenatali negattiva, jew isofru minn trawma ta’ wara l-abort.

F’dan il-kunċert ingħad li madwar 270 persuna sabu faraġġ u ġew mgħejuna minn  din il-fondazzjoni – Fondazzjoni li hija favur il-ħajja b’mod sħiħ u toffri l-għajnuna lil kull mara li għaddejja minn xi tip kriżi f’ħajjitha.

Waqt il-kunċert, tkellmet iċ-Chairperson ta’ Life Network Malta Foundation Miriam Sciberras fejn sostniet li l-membri tal-fondazzjoni jfittxu li jqanqlu tama fil-klijenti li jfittxu l-għajnuna mill-fondazzjoni sabiex jagħrfu li l-futur tagħhom ma jispiċċax mat-tqala, imma biss jinbidel; u ħafna drabi għall-aħjar. Filfatt Miriam Sciberras insistiet li l-membri tal-fondazzjoni Life Network Fondation jibqgħu impenjati li jagħmlu dan b’ħidma li toffri kompassjoni, empatija, u appoġġ.