Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

L-Arġentina Champions tad-Dinja għat-tielet darba f’logħba spettakolari u ta’ qtugħ ta’ nifs

(Ritratt: EPA)

L-Arġentina Champions tad-Dinja għat-tielet darba fl-istorja. F’logħba ta’ qtigħ il-qalb u spettakolari fil-Lusail Stadium, l-Arġentina rebħet 4-2 bl-għoti tal-penalties wara l-logħba sal-ħin barrani ntemmet 3-3. Fenomenali ż-żewġ stilel jiġifieri l-Arġentin Lionel Messi u l-Franċiż Kylian Mbappe li bejniethom skorjaw ħamsa mis-sitt gowls.

Mument importanti tal-logħba seħħ fl-24 minuta. Angel di Maria evita lil Ousmane Dembelè fuq in-naħa xellugija, daħal fil-kaxxa u twaqqa’ mill-istess plejer Franċiż. Ir-referee Pollakk Szymon Marciniak ma kellux għażla oħra ħlief li jordna penalty li minnu LIONEL MESSI għeleb lil Lloris b’xutt fil-baxx fuq il-lemin tiegħu. Dan kien is-sitt gowl ta’ Messi f’din l-edizzjoni.

L-iskor sar 2-0 fis-36 minuta b’kontrattakk mill-aqwa. MacAllister għadda lejn Messi li b’intelliġenza fuq il-lemin fetaħ lejn Julian Alvarez. L-attakkant għadda vertikalment lejn il-ġirja ta’ MacAllister u l-midfielder b’xi mod ra lil ANGEL DI MARIA fuq ix-xellug tiegħu. Il-winger irċieva ballun preċiż u għeleb lil Lloris b’konklużjoni għar-rokna.

Il-kowċ Franċiż Didier Deschamps wettaq sostituzzjoni doppja fil-41 minuta bl-għan li jqajjem lit-tim. Hu daħħal lil Randal Kolo Muani u Marcus Thurman flok Ousmane Dembele u Olivier Giroud.

L-ewwel drabi li Franza resqet lejn il-lasta ta’ Emiliano Martinez kienu f’nofs it-tieni taqsima. Fis-67 minuta minn korner, daqqa ta’ ras ta’ Randal Kolo Muani għaddiet barra u erba’ minuti wara xutt ta’ Kylian Mbappe għadda ftit għoli fuq il-mimduda.

Kontra x-xejra tal-logħob, Franza ngħatat penalty fid-79 minuta għal kuntatt fil-kaxxa bejn Nicolas Otamendi u Kolo Muani. Inkariga ruħu KYLIAN MBAPPE li skorja b’xutt fil-baxx, bil-gowlkiper Emiliano Martinez seta’ biss imiss il-ballun.

Għalkemm il-Franċiżi kienu għadhom kemm taw twissija, l-Arġentina ma setgħetx tipprepara minn qabel għaliex żewġ minuti wara l-iskor sar 2-2. Adrien Rabiot għadda lejn KYLIAN MBAPPE, bir-ras niżżel lejn Kolo Muani li rritornalu l-ballun u b’xutt djagonali mill-ewwel għeleb lil Martinez. Għal darba oħra l-gowlkiper Arġentina seta’ biss imiss il-ballun.

L-andament tal-logħba nbidel kompletament hekk kif issa kienu l-Franċiżi li bdew ifittxu l-gowl tar-rebħa. Kważi rnexxielhom fil-95 minuta b’azzjoni ta’ Coman lejn Rabiot li xxuttja fil-baxx, Martinez salva parzjalment u kellu jkun id-difensur Cristian Romero li bl-irkoppa għadda l-ballun lejn il-gowlkiper tiegħu minn mal-art. Fuq in-naħa l-oħra, l-Arġentina għal ftit ma skorjatx il-gowl importanti b’xutt b’xutt insidjuż ta’ Messi li ġie mdawwar f’korner bi bravura minn Lloris.

Il-logħba kompliet fil-ħin barrani. Franza b’aktar inizjattiva iżda lejn tmiem l-ewwel taqsima, is-sostitut Lautaro Martinez kellu żewġ okkażjonijiet li fihom ġie mblokkat fil-ħin minn Dayot Upamecano.

L-Arġentina fil-vantaġġ fil-109 minuta. Martinez evita n-nasba tal-offside bl-eżatt, ix-xutt ġie salvat parzjalment minn Lloris, bil-ballun jispiċċa għand LIONEL MESSI li qabbeż ill-ballun wara l-linja, bit-tentattiv ta’ Kounde jkun inutli.

Franza reġgħet wettqet reazzjoni u fil-117-il minuta ngħatat it-tieni penalty. Mbappe prova b’xutt mil-linja tal-kaxxa li ħabat ma’ id is-sostitut Montiel. Reġa’ nkariga ruħu KYLIAN MBAPPE li reġa’ skorja fuq l-istess naħa.

Il-penalties kellhom jiddeċiedu kollox. Beda Kylian Mbappe li skorja u wieġeb Lionel Messi. Ix-xutt ta’ Kinglsey Coman ġie salvat minn Martinez u Paulo Dybala skorja b’xutt ċentrali. Ix-xutt ta’ Aurelien Tchouameni ntemm barra u Leandro Paredes irdoppja l-vantaġġ tal-Arġentina. Kolo Muani żamm il-Franza tittama iżda Gonzalo Montiel bagħat lil Lloris in-naħa l-oħra tal-ballun u ta r-rebħa lit-tim nazzjonali Arġentin.