Wara ħafna stennija, waslet il-logħba li kull tim li ħa sehem f’din il-kompetizzjoni xtaq li jkun involut fiha.
L-aħħar partita tal-kompetizzjoni, wara li rajna 63 logħba mimlija sorpirżi, ferħ, biki u ċertament ħafna gowls, issa jmiss li tinlaġħab l-iktar logħba importanti ta’ kull 4 snin il-Finali tat-Tazza tad-Dinja.
Rebħa għall-Arġentina tfisser li jibrħu t-tielet Tazza tad-Dinja tagħhom, bl-aħħar waħda tasal 36 sena ilu fl-1986, fejn għelbu lil dak iż-żmien il-Ġermanja tal-Punent. Apparti minnhekk, din il-logħba tfisser ħafna iżjed għall-poplu Arġentin, hekk kif din hija l-ewwel Tazza tad-Dinja wara l-mewt tal-leġġenda u protagonista fir-rebħ tal-aħħar Tazza tad-Dinja, Diego Amando Maradona. Ma nistgħux ma nsemmux ukoll plejer ikoniku ieħor għall-poplu Arġentin, il-captain kurrenti, Lionel Messi li kull ma jonqsu fil-lista impressjonanti ta’ unuri tiegħu hija li jista’ jsejjaħ lilu nnifsu bħala champion tad-dinja. Ħafna huma dawk li jemmnu li Lionel Messi huwa l-aħjar plejer ta’ kull żmien, madankollu din l-opinjoni hija suġġettiva, pero sabiex Messi jkun jista’ jqabbel lilu nnifsu ma’ leġġendi tal-passat bħal Maradona u Pele f’termini ta’ unuri, jonqsu biss din it-Tazza glorjuża.
Din mhijiex l-ewwel opportunita li l-Arġentina u Messi kellhom sabiex jirbħu dan l-unur tant prestiġjuż, hekk kif ġew viċin fil-fianli tal-2014 kontra l-Ġermaniżi, iżda gowl fil-ħin miżjud ta’ Mario Gotze kiser qalb ħafna partitarji Arġentini.
Fil-kamp l-ieħor, il-Franċiżi ukoll qed iffitxu li jirbħu t-tielet Tazza tad-Dinja, bl-aħħar waħda tasal fl-aħħar edizzjoni fir-Russja b’rebħa meritata fuq il-Kroazja. Kylian Mbappe għat-tieni darba fil-karriera tiegħu ħa l-affarijiet f’idejh u rnexxielu jiggwida lil pajjiżu għall-finali oħra. B’5 gowls f’ismu, l-attakkant ta’ PSG mhu qed juri l-ebda sinjali ta’ tnaqqis fil-forma tiegħu, u b’rebħa llum jista’ jilħaq ir-rekord ta’ Pele, fejn ikun rebaħ żewġ Tazzi tad-Dinja sa l-eta’ ta’ 23 sena.
Interessanti wkoll li l-kowċ tat-tim Franċiż Didier Deschamps kapaċi jsir l-ewwel kowċ li jirbaħ it-Tazza tad-Dinja darbtejn bħala kowċ u darba bħala plejer. Mario Zagallo u Franz Becekenbauer huma l-unika żewġ kowċis oħra li rebħu dan l-unur tlett darbiet.
Apparti l-battalja ta’ min ħa jirbaħ il-finali, ħa tkun għadejja battalja ukoll għall-aqwa skorer bejn 4 plejers differenti. Fil-kamp Franċiz Mbappe u Giroud jinsabu b’5 u b’4 gowls rispettivament, filwaqt li Lionel Messi jinsab b’5 gowls u Julian Alvarez jinsab b’4 gowls. Skont ir-regoli tal-FIFA, jekk il-kompetizzjoni tintemm b’iktar minn plejer wieħed fl-ewwel post fil-lista tal-aqwa skorer, ir-rebbieħ tal-unur immur għand il-plejer li għamel l-iżjed assists bejn il-plejers, f’dan il-każ Lionel Messi jieħu l-unur hekk kif għandu assist iktar minn Mbappe.
//= $special ?>