Fi tmiem l-iskambji ta’ awguri għall-Milied u l-Ewwel tas-sena, il-President ta’ Malta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-Prim Ministru u l-Arċisqof ta’ Malta ngħaqdu flimkien biex iwasslu l-messaġġi tagħhom għall-festi b’sentiment ewlieni favur il-valuri tal-ħajja.
Il-President ta’ Malta appella għall-għaqda bejn kull Malti, Għawdxi u barrani li hawn f’pajjiżna biex nassiguraw li f’pajjiżna jirrenja r-rispett kemm lejn kull persuna u anke lejn il-valuri tagħna. Huwa appella b’mod speċjali għall-ġenerożità b’mod speċjali waqt l-maratona tal-Istrina.

Fil-messaġġ tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li f’dan iż-żmien għandna naħsbu fil-valuri ta’ kull wieħed u waħda minna. Hu għamel referenza diretta lejn l-impenn li hemm bżonn isir favur il-ħajja.

Bernard Grech appella biex kull persuna terfa’ r-responsabbiltà għall-irwol tagħha fis-soċjetà sabiex tibqa’ leali lejn is-sewwa. Dan sabiex kull wieħed u waħda minna nħallu warajna soċjetà iktar b’saħħitha b’sens iktar qawwi ta’ solidarjetà.
Minn naħa tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela appella biex ma ninsewx il-valuri tagħna li dejjem imxejna magħhom sabiex jirrenja l-ispirtu ta’ għaqda nazzjonali.

Fid-diskors tiegħu, l-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna saħaq li hemm bżonn li pajjiżna jgħaraf l-importanza li nħarsu is-sentiment tal-għożża tal-valur tal-ħajja mill-bidu nett sat-tmiem. Huwa saħaq dwar il-bżonn tal-imħabba u l-għaqda fost kull persuna.

Minn naħa l-oħra, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia qal li kull persuna għandha taħdem favur il-ġid ta’ pajjiżna. Huwa appella wkoll biex il-ġid jitqassam bejn kulħadd.
