Tard ilbieraħ filgħaxija l-MPE David Casa ħabbar li ntlaħaq ftehim provviżorju biex jiġi stabbilit fond multi-biljunarju, li huwa magħruf bħala l-Fond Soċjali għall-Klima, li se jgħin lill-familji u lill-intrapriżi ż-żgħar fit-transizzjoni tal-klima.
Miljuni se jkunu disponibbli għal Malta ladarba l-ftehim ta’ Casa jakkwista l-aħħar approvazzjoni fil-bidu tas-sena l-ġdida.
David Casa qal li bħalissa jinsabu ferm viċin sabiex jiżguraw li t-transizzjoni klimatika tkun aktar inklussiva kif ukoll ġusta għas-soċjeta’. Il-fond ġie approvat għal 86.7 biljun ewro u se jiġi ffinanzjat minn mekkaniżmu storiku li jitfa’ prezz fuq l-emissjonijiet. Din hija l-politika klimatika prinċipali tal-Unjoni Ewropea li ġiet maqbula flimkien mal-Fond Soċjali għall-Klima.
Huwa esprima l-gratitudni għall-kollegi tiegħu li jirrappreżentaw il-kumplament tal-partiti Ewropej li ħadmu miegħu matul dawn in-negozjati.
Dan il-Fond Soċjali għall-Klima jifforma parti mill-pakkett “fit-for-55 fl-2030”, li huwa l-pjan tal-Unjoni Ewropea sabiex tnaqqas l-emissjonijiet b’55% sas-sena 2030 kkomparati ma’ livelli fl-1990, skont il-Liġi Ewropea għall-Klima.
