Każ ta’ omiċidju li seħħ fl-2008 fid-dar tal-akkużat f’Ħal Qormi jinsab fl-istadju ta’ eċċezzjonijiet preliminari bil-Qorti Kriminali tagħti sentenza ta’ qabel il-ġuri fuq talbiet li saru minn Stephen Caruana, l-akkużat u talba oħra mill-Avukat Ġenerali.
Ħafna mit-talbiet miż-żewġ partijiet kienu miċħuda fosthom li l-każ issa huwa wieħed preskritt. Madankollu l-Qorti Kriminali laqgħet it-talba tal-akkużat li qed jistenna li jgħaddi ġuri dwar qtil biex test tal-bżieq meħud fuq martu ma jiġix esebit fl-istess ġuri.
Il-Prosekuzzjoni qed tgħid li l-qtil kien seħħ ftit wara li l-vittma kien mar inkiss inkiss id-dar tal-akkużat u kellu x’jaqsam sesswalment ma’ martu meta Caruana u uliedu kienu reqdin. Caruana, li llum għandu 42 sena, qed jgħid li hu spara lill-vittma biex jddeffendi lilu nniffsu wara li sabu fil-kamra ta’ fuq tar-residenza tiegħu fis-satra tal-lejl. Qed jikkontendi li kien rieqed u beża’ meta sema’ l-ħsejjes fid-dar fid-dar u sab raġel id-dar.
Il-qtil kien seħħ fis-1.00am tad-19 ta’ Diċembru bil-vittma Neville Baldacchino li kellu 28 sena, jintlaqat minn tlieta mill-erbgħa tiri sparati lejh, wieħed f’rasu, li kien it-tir fatali. Il-każ ilu jkarkar daqstant għal diversi raġunijiet fosthom li d-dar fejn seħħ il-qtil kienet twaqqgġħet biex inbniet blokka ta’ appartamenti, xi ħaġa llegali li ssir meta l-post suppost ikun preżervat. Il-familja tal-vittma qegħdin jgħidu wkoll li l-akkużat, Stephen Caruana, kien beda xogħol ta’ kostruzzjoni mhux awtoriżżat minkejja li l-Qorti kienet ordnat li tali xogħol ma jsirx.
Inkjesta li qalet li investigatur ma kienx iddikjara kunflitt ta’ interess
Minn naħa tal-prosekuzzjoni l-każ inizjalment kien f’idejn l-Ispettur Daniel Zammit sal-istadju tal-kumpilazzjoni meta imbagħad i rriżenja mill-Korp tal-Pulizija. L-eks Spettur kien xehed f’dawn il-proċeduri fejn kien mistoqsi f’liema stadju kien sar jaf bit-twaqqigħ tax-xena tad-delitt, bl-eks uffiċjal jgħid li dan seħħ wara li kien telaq mill-korp, u li sar jaf dwar dan permezz ta’ rapport fil-midja.
L-eks spettur tal-pulizija kien ukoll fl-aħbarijiet wara li saret inkjesta ordnata mill-Prim Ministru. Fir-rapport tiegħu, l-Imħallef irtirat Michael Mallia kien qal li s-Sur Zammit ma kienx iddikjara kunflitt ta’ interess waqt li kien qed jinvestiga dan il-qtil u qies li tali aġir bħala mhux etiku.
Irriżulta li Zammit wettaq transazzjonijiet kummerċjali mal-familja Gaffarena u bint Joe Gaffarena, Romina Caruana, li kienet miżżewġa lill-akkużat, Stephen Caruana. L-Avukat Ġenerali qed jikkontendi li Romina Caruana u Stephen Caruana kien ilhom miżżewwġin mis-sena 2000 u kellhom erbat itfal u li l-mara tal-akkużat bdiet relazzjoni mal-vittma Neville Baldacchino fejn ta’ spiss kienu jiltaqgħu, liema relazzjoni kienet zviluppat f’waħda intima.
L-AĠ qed jikkontendi wkoll li r-relazzjoni ta’ bejniethom kienet issir bil-moħbi tal-akkuzat. Wara ftit ġimgħat illi kienet għaddejja din ir-relazzjoni Stephen Caruana kien mar fuq martu waqt li kienet fuq il-mobile fil-kamra tal-banju titkellem mal-vittma. Hu staqsiha ma’ min kienet qed titkellem, b’Romina tgħidlu li kienet qed tkanta. Hawn żewġha ħadilha l-mobile biex jiċċekkja.
Il-vittma mar id-dar tal-koppja kif ippjanat il-mara
Kien hemm okkażjonijiet li fihom, il-familja tal-akkużat kienet tiltaqa’ mal-familja tal-vittma, ħaġa li kienet tidher suspettuża kemm għal Stephen Caruana, kif ukoll għal mara tal-vittma. Il-Prosekuzzjoni qed tgħid li Neville Baldacchino, kien mar id-dar tal-akkużat fi Triq id-Drama Ħal-Qormi, diversi drabi sabiex jiltaqa’ ma’ Romina Caruana u għalhekk kien familjari mal-post.
L-aħħar darba li mar fir-residenza ta’ Stephen Caruana kien wieħed fatali. Romina Caruana u l-vittma kienu ltaqgħu filgħodu u ftehemu biex filgħaxija, meta jkunu raqdu Stephen Caruana u t-tfal, Romina ċċempillu u tavżaħ li jista’ jmur għandha għax ma kienx se jkun hemm periklu li jinqabdu.
Caruana fil-fatt avżat lill-vittma li kollox kien sew, li kulħadd kien raqad, u li seta’ jmur għandha. Hekk kif wasal neża ż-żarbun ħdejn il-bieb ta’ barra, daħal ġewwa u tela fil-kamra tas-sodda li kien hemm fis-sular ta’ fuq.
Romina u Neville spiċċaw flimkien fil-kamra tas-sodda fejn kellhom skambju sesswali u dan filwaqt li Stephen Caruana u t-tfal kienu isfel, suppost reqdin fil-kamra tas-sodda l-oħra. L-AĠ qed jikkontendi wara, l-ġurnata kienet laħqet qalbet għad-19 ta’ Dicembru 2008, u dan kien għall-ħabta tas-1.00am.
Wara Romina Caruana niżlet isfel biex tisqi lit-tifla tagħha ta’ ftit aktar minn sena li kienet qed tibki u fl-istess ħin ċċekjat li żewġha kien għadu rieqed. Dan biex tkun tista’ tagħmel sinjal lil Neville Baldacchino biex joħroġ mir-reżidenza.
L-akkużat sema’ ħoss kif qam u qatel lil Baldacchino
Iżda l-affarijiet ħadu żvolta oħra. Stephen Caruana kien nagħsu ħafif, beda jiċċaqlaq u ma deherx li kien rieqed fil-fond. Waqt li Romina Caruana kienet ħdejh fil-kamra tas-sodda matrimonjali tagħhom li qieghdha isfel, semgħu ħoss ġej minn fuq. Żewġha qam, mar ħdejn it-taraġ u hemm sema’ xi passi ġejjin minn fuq. Qabad s-senter tiegħu tal-marka Benelli, ikkargah u tela’ fis-sular ta’ fuq.
Meta wasal fejn it-terrazzin li ma kien iwassal għal imkien, sab lil Neville Baldacchino. L-AĠ qed jgħid li dan kien mument li fih Stephen Caruana kellu għażla, jew joqtol lil Baldacchino jew iħallih jgħix. L-għażla li għamel kienet dik li joqtlu mingħajr bżonn.
Fil-fatt, meta wasal fejn it-terrazzin u sab lil Neville Baldacchino, Caruana għażel li jiġbed il-grillu tas-senter tiegħu erbgħa darbiet fejn żvojta s-senter mill-iskratacc kollha. L-AĠ qal li tliet tiri minnhom laqtu lil vittma u kkaġunawlu l-mewt u għalhekk bla dubju ried joqtlu billi sparalu dak l-ammont ta’ tiri, wieħed f’rasu, ieħor f’idu, it-tielet f’siequ u b’wieħed biss jolqtux. Wara li sar dak li ried li jseħħ, qal l-AĠ l-akkużat niżel isfel, poġġa s-senter fuq il-gradenza u mar jispjega x’kien ġara lil Romina Caruana.
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera filwaqt li ċaħdet it-talbiet taż-żewġ partijiet qalet li t-Tielet Kap tal-Att tal-Akkuza, l-kelmiet ’spara arma tan-nar u cioe’ senter tal-ghamla Benelli’ il-kliem ‘f’post abitat’ ghandhom jigu mibdula bil-kelmiet ‘waqt li huwa kien inqas minn 200 metru minn xi belt jew rahal, jew zona abitata ohra jew xi wahda mix-xtajtiet elenkati fl-Iskeda VII, jew f’medda ta’ 50 metru minn toroq prinçipali jew arterjali.’
Barra minn hekk taħt is-sub-titolu ‘Il-piena’ l-kelmiet ‘multa ta’ mhux anqas minn €232.94 iżda mhux iżjed minn €4658.75, u l-konfiska għandhom jinbidlu f’multa ta’ mhux anqas €116.47 iżda mhux iżjed minn €1,164.69. L-unika talba li ntlaqat kienet ir-raba’ eċċezzjoni preliminari u ghalhekk tiddikjara inammissibli l-‘buckle swab’ mehuda minn Romina Caruana, kif ukoll ix-xhieda moghtija u tar-rapporti ta’ Marisa Cassar fir-rigward tal-imsemmija ‘buckle swab ‘.
Għall-akkużat qed tidher l-Avukat Gianella Demarco filwaqt li għall-familjari tal-vittma qed jidher l-Avukat Edward Gatt. Mhux eskluż li l-Avukat Ġenerali jew id-difiża jappellaw mid-deċiżjoni tal-Qorti Kriminali.
//= $special ?>