Gareth Southgate se jibqa’ fit-tmexxija tat-tim nazzjonali Ingliż sa wara l-Kampjonat Ewropew tal-2024. L-Assoċjazzjoni Ingliża kkonfermat dan, ġimgħa biss wara li l-Ingilterra sfat eliminata fil-kwarti tal-finali tat-Tazza tad-Dinja kontra Franza.
Mistoqsi wara din l-eliminazzjoni, Southgate kien qal li għandu bżonn jieħu ftit ħin biex jirrifletti. Jidher li d-deċiżjoni finali ttieħdet wara diskussjoni mal-Assoċjazzjoni, il-familja tiegħu kif ukoll mal-plejers u l-istaff tiegħu u hu mifhum li sab l-appoġġ meħtieġ biex ikompli fil-kariga.
Southgate li għandu 52 sena, inħatar bħala kowċ nazzjonali fl-2016 u minn dakinhar mexxa lit-tim Ingliż sas-semifinali tat-Tazza tad-Dinja tal-2018, sat-tielet post fil-UEFA Nations League sena wara u għall-ewwel darba sal-finali tal-Kampjonat Ewropew is-sena l-oħra. Il-kuntratt preżenti jiskadi f’Diċembru tal-2024.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FA Ingliża Mark Bullingham ikkonferma din l-aħbar u żied li kemm Southgate kif ukoll l-assistent tiegħu Steve Holland dejjem kellhom is-sapport tagħhom u kompla li l-ippjanar għall-Kampjonat Ewropew li jmiss bdew minn issa.
Kemm ilu kowċ nazzjonali, Southgate mexxa lit-tim Ingliż għal total ta’ 81 logħba, b’49 rebħa, 18-il draw u 14-il telfa. Fost l-oħrajn, is-sitt rebħiet f’logħbiet knock-out waqt kompetizzjonijiet maġġuri hu daqs kemm l-Ingilterra kienet kisbet fit-48 sena ta’ qabel. Minkejja l-progress li sar fit-tim Ingliż, it-‘Three Lions’ għadhom ma kisbu l-ebda unur li ilhom jistennew mill-1966.
//= $special ?>