Raġel ta’ 55 sena residenti San Ġwann u oħtu ta’ 43 sena residenti l-Gżira ġew lliberat minn akkużi li jmorru lura 17-il sena li jinkludu li ferew ħafif tfajla bl-imputat jiġi akkużat li kaxkarha minn xagħarha u tefagħha fuq skrivanija fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema, wara li allegatament ħebbet għal oħtu bi mqass u pepper spray.
Paul Spagnol u oħtu Karen Spagnol ma nstabux ħatja li fil-15 ta’ Ġunju 2005, għall-ħabta tal-10.40pm ġewwa ta’ Xbiex u l-Gzira mingħajr il-ħsieb li joqtlu jew li jqiegħdu f’periklu ċar il-ħajja ta’ tfajla tawha diversi daqqiet biex ikkaġunawlha feriti ta’ natura gravi, liema delitt ma giex esegwit minħabba xi ħaġa aqqidentali u indipendenti mill-volontà tagħhom.
Fil-kors tal-kawża l-akkużi ta’ feriti gravi ġew ridotti għal feriti ħfief. Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Nadine Lia, l-Ispettur Mark Mercieca qal li l-allegata aggressjoni seħħet fi Triq il-Flotta, l-Gżira. Spagnol u oħtu, Karen li dak iż-żmien kellha 26 sena ma nstabux ħatja li taw diversi daqqiet lill-vittma u li kisru l-paċi pubblika.
Jirriżulta, li l-allegata aggressjoni seħħet peress li oħt Spagnol kellha tieħu xi flus mingħand l-allegata vittma. Allegatament, hija kienet iltaqgħet magħha waqt li kienet qed issuq, talbitha l-flus li kellha tagħtiha u kien hawn li t-tfajla ħarġet bott pepper spray u sprejjatulha f’wiċċha, u tatha daqqa bi mqass.
Paul Spagnol kien qed jiġi meqjus ukoll bħala reċidiv b’sentenzi datati 20/06/1985, 16/07/1985, 12/03/1987, 07/05/1990, 26/07/1990, 08/10/1990, 12/05/1992, 30/04/19993, 13/06/1993, 25/05/2000, 26/06/2001, 10/09/2001 moghtija millQorti tal-Magistrati (Malta), mill-Qorti Kriminali u mill-Qorti tal-Appell.
L-Ispettur Daniel Zammit, dak iż-żmien stazzjonat fit-Taqsima tal-Investigazzjonijiet Kriminali, xehed li kien daħal rapport anonimu fl-Għassa ta’ Tas-Sliema li fi Triq il-Flotta, il-Gzira, kien qed iseħħ argument. Hekk kif il-Pulizija kienu ħerġin mill-Għassa, daħal fil-pront Paul Spagnol u kien qed ikaxkar minn xagħra lill-allegata vittma u mbuttaha għal fuq skrivanija. Kien vizibbli li hija kellha xi feriti u ghalhekk issejhet ambulanza.
Ftit wara, daħlet fl-Għassa ukoll Karen Spagnol, oħt l-imputat, miksija dmija, li allegat li kienet giet aggredita bi strument bil-ponta f’darha u saqajha mill-vittma. Din ukoll ittieħdet l-Isptar ghall-kura fejn irriżulta li kienet qed issofri minn ġrieħi ħfief.
Ix-xhud tkellem mal-partijiet involuti, fejn irrizulta li Karen Spagnol kellha tiehu xi flus minghand il-mara, u waqt li Spagnol kienet qed issuq, iltaqghet magħha u talbithomla. Minn naħa tagħha, din allegatament ħarġet bott pepper spray u sprejjatu f’wiċċ Spagnol u tagħta daqqa b’xi strument bil-ponta.
F’dan il-punt, Karen Spagnol ittieħdet iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira minn ħuha, u hekk kif kienu hdejn l-Għassa, reġgħu iltaqgħu ma Claire Borg fejn l-argument issokta sa ma din il-mara, li ukoll allegat li kienet giet imsawwta, ġiet imkaxkra lejn l-Għassa mill-imputat Paul Spagnol.
Ma setghatx tiftakar dwar xhiex inqala’ l-argument iżda qalet li f’dak iż-żmien kien hemm ġlied kbir bejniethom u “kienu bit-tikketta”. F’dan l-argument kienu weġgħu kemm hija stess kif ukoll Karen Spagnol. Taf li kienet inġabret minn fuq il-post bil-karozza minn Paul Spagnol, hu Karen Spagnol li magħha kellha l-argument. Ix-xhud kienet identifikat lil Karen Spagnol fl-awla u rreferiet ħhaliha bħala “habiba taghha”.
L-allegata vittma kienet qalet iżda wkoll li ma setgħetx tiftakar dwar xhiex inqala’ l-argument iżda qalet li f’dak iż-żmien kien hemm ġlied kbir bejniethom u “kienu bit-tikketta”. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qalet li bilkemm kellha provi x’tevalwa b’rabta mal-każ, peress li l-każ dam 17-il sena. Kien b’hekk, li l-Qorti lliberat liż-żewġ imputati mill-akkużi mijġuba kontrihom. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mark Mercieca.
//= $special ?>